Il-Ħadd filgħaxija ġie ppubblikat b’mod uffiċjali r-Writ tal-elezzjoni ġenerali, b’hekk il-Kummissjoni Elettorali issa skatat l-proċess uffiċjali għall-elezzjoni ġenerali tas-Sibt 26 ta’ Marzu. Mal-pubblikazzjoni tar-writ bdiet ħidma intensiva mill-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Laburista biex il-Partit Laburista jkun organizzat f’dak li għandu x’jaqsam mal-proċess elettorali li hu wieħed metikoluż u importanti.
Il-Kap tal-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Laburista Louis Gatt spjega kif fil-jiem li ġejjin se jiġi ppubblikat reġistru elettorali.
Louis Gatt tenna, “Il-Kummissjoni Elettorali b’mod immedjat matul dawn is-sitt ijiem trid tippubblika reġistru elettorali li jgħidulu rolling register. Dan ir-reġistru jinkludi fih persuni li se jkunu għalqu sittax il-sena sa lejliet l-elezzjoni. Jiġifieri sal-25 ta’ Marzu, kull tibdil ta’ indirizz li kien hemm sas-Sibt li għadda u ovvja jitneħħew dawk il-persuni li mietu.”
Mill-aħħar elezzjonijiet nazzjonali li saru jiġifieri tal-Parlament Ewropew fl-2019, in-numru ta’ votanti ġodda hu ta’ madwar ħamsa u għoxrin elf persuna. Gatt jgħid kif f’dawn il-jumejn li ġejjin wieħed jista’ jidħol jivverifika jekk wieħed huwiex imniżżel fuq dan ir-reġistru u b’hekk ikun eleġibbli li jivvota.
Gatt stqarr, “Persuna tista’ tivverifika hijiex eleġibbli jekk isima jidhirx fuq ir-reġistru elettorali, sintendi wara li jiġi ppublikat dan ir-reġistru anke fuq il-website tal-Kummissjoni jew inkella partitlaburista.org u hemm jidħol fil-paġna tal-uffiċju elettorali u hemm jara l-ID Card hux qiegħda hemmhekk.”
Gatt qal li hu previst li matul tmiem din il-ġimgħa jibda l-istampar tad-dokumenti tal-vot, biex eventwalment jibda t-tqassim tal-voti bieb bieb. FakKar ukoll kif din is-sena hemm xi tibdil f’żewġ distretti elettorali.
Hawnhekk tenna, “Kull m’hemm tibdil żgħir mill-aħħar elezzjoni ġenerali. Hemm biċċa min-Naxxar 1,200 vot li mit-12 ġew mal-10 distrett. Qed ngħidu minn Birguma sal-Paroċċa tan-Naxxar. Ħal Mula f’Ħaż-Żebbuġ ġiet mas-Sitt distrett. Il-biċċa li tmiss ma’ Ħal Qormi.”
Is-Sur Gatt temm billi fakkar biex mingħandu xi mistoqsija marbuta mal-proċess elettorali għandu jikkuntatja l-Partit Laburista fuq 20901531 jew 20901528.