L-Awtorità tal-Ippjanar kompliet bl-azzjoni ta’ Infurzar fil-fabbrika l-antika mibnija f’żona barra mil-limitu tal-iżvilupp fl-Imrieħel; dan wara li fis-16 ta’ Frar li għadda, l-Qorti ċaħdet il-Mandat ta’ Inibizzjoni.
One news jinsab informat li bħalissa għaddejja ħidma bir-reqqa sabiex jiġi sseparat l-iskart b’mod partikolari l-injam minn mal-ħadid. Malli ONE NEWS mar fuq il-post, wieħed ma setax ma jinnotax ir-riħa ta’ ħruq li kienet ġejja mill-fabbrika antika. Sorsi fuq il-post infurmawna li nstabu numru ta’ fdalijiet tal-annimali li kienu qed ikunu ta’ detriment għall-binja kif ukoll l-akwati. Dan għall-fatt li dawn kienu qed jattiraw ħafna ġrieden u kien għalhekk li s-sitwazzjoni ġiet ikkontrollata wara li nħarqu l-fdalijiet..
Malli jitneħħew l-affarijiet kollha li hemm fl-istruttura, l-Awtorita’ tal-Ippjanar ser tipproċedi għall-fażi finali fejn ser jitwaqqa l-bini.
F’Jannar illi għadda, l-Awtorita’ tal-Ippjanar għamlet Azzjoni ta’ Infurzar f’din il-binja fejn instabu numru ta’ annimali fosthom aktar minn tlett mitt tajr fosthom tiġieġ u pappagalli li kienu fi stat ta’ saħħa ħażina. Bħalissa dan it-tajr qigħed taħt il-ħarsien tal-veterinarji li qed jagħtuhom l-aqwa kura possibbli.
Sorsi ta’ min jorbot fuqhom qalu lill-One News li minkejja li lis-sid ġie informat tlett ġimgħat ilu sabiex jgħaddi d-dokumenti kollha meħtieġa bil-għan li jieħu lura lill-annimali li ġew ikkonfiskati, jidher li ma tantx għandu ħjiel ta’ interess- hekk kif sa issa ma weġibx.
L-istess sorsi qalu li l-Awtorità tal-Ippjanar hija impenjata li tara li tiġi esegwita n-notifika ta’ nfurzar bil-għan li l-art tiġi lura għall-istat oriġinali tagħha- dik ta’ art agrikola.
Ara wkoll: http://www.one.com.mt/2018/01/17/il-pa-bazzjoni-ta-infurzar-fuq-fabbrika-antika-fodz/