Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol nieda White Paper għall-proċess ta’ konsultazzjoni mal-pubbliku in ġenerali dwar trasport b’xejn u b’superviżjoni lill-istudenti kollha li jattendu fl-iskejjel obbligatorji tal-istat, tal-knisja u dawk indipendenti. Dan is-servizz se jkun qed jinkludi għal ewwel darba lit-tfal tal-kindergarten ukoll.
Din il-miżura hija mniżżla fil-manifest elettoral tal-Gvern fejn jipproponi li jiġi mniedi servizz ta’ trasport sorveljat lill-istudenti kollha sal-livell sekondarju u li l-Gvern kompla jimpenja ruħu li jintroduċi dan il-proġett fid-diskors tal-baġit għall-2018. Dan il-proċess se jagħti l-bidu tiegħu mal-ftuħ tas-sena skolastika 2018/2019 u li mistenni li tkun varata b’mod kompleta ma’ kull skola matul l-istess sena skolastika.
Rigward is-superviżjoni ser tkun qed tiġi ppublikata sejħa ta’ interess għall-edukaturi kollha li se tkun b’mod volontarja u bi ħlas.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Evarist Bartolo tenna li l-Gvern ser ikun qed jalloka minimu ta’ €24 miljun għal din l-iniżjattiva bir-riżultat li l-familji se jiffrankaw medja ta’ €500 għal kull wild, filwaqt li jiġi offrut trasport iżjed sigur b’sorveljanża ta’ adult.
Il-Ministru żied jgħid li l-implimentazzjoni tal-proġett huwa mistenni li jirriżulta fit-titjib tal-kwalità ġenerali tas-servizz u żieda fil-popolazzjoni ta’ studenti li tagħmel użu mit-trasport organizzat, li jwassal fi tnaqqis tal-konġestjoni tat-traffiku matul il-ħinijiet l-aktar intensivi.
Fi stħarriġ tal-kumpanija Grant Thornton ikkummisjonata mill-Gvern jirriżulta li bil-proposta li fiha l-ikbar investiment l-użu tat-trasport organizzat se jiżdied b’14,000. Fl-iskejjel mhux statali dan se jlaħħaq id-90% tal-istudenti, ġaladarba jkun bla ħlas u b’superviżjoni.
Ta’ min jinnota wkoll li fil-kwestjonarju il-ġenituri irrimarkaw li s-superviżjoni huwa element kruċjali fid-deċizjoni tagħhom jekk jagħżlux li jibgħatu lit-tfal tagħhom bit-trasport organizzat.
Bid-dħul ta’ dan il-proġett, fil-kaz tal-iskejjel tal-istat, għalkemm jista’ jkun hemm xi tibdil żgħir fil-ħinijiet tal-ftuħ tal-iskejjel, l-ebda skola mhu se tkun qed tiftaħ aktar tard mit-08:30 ta’ filgħodu. Id-differenzi fil-ħinijiet mhux se jkunu ta’ iktar minn nofsija.
Din il-konsultazzjoni pubblika se tkun qed tiffoka fuq l -implimentazzjoni tas-servizz innifsu hekk kif matul ix-xhur li għaddew ġew ikkonsultati diversi partijiet interessati u l-fehmiet tagħhom huma inklużi f’dan id-dokument minn edu.gov.mt/transportconsultation.
Kull minn irid iwassal is-suġġerimenti tiegħu jista’ jagħmel dan permezz ta’ email fuq transportconsultation.mede@gov.mt jew jibgħat ittra fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol sa nhar it-Tnejn 26 ta’ Marzu 2018.