Aktar minn mitt sena li ġew skavati dawn it-tempji li hawn warajja ġewwa Ħal Tarxien, Heritage Malta li tieħu ħsieb dan is-sit storiku fetħet il-bibien biex in-nies iżuruhom mingħajr ħlas.
Kienu aktar minn sitt t’elef li fil-jum tal-Ħadd żaru t-tempji megalitiċi ta’ Ħal Tarxien.
Bosta familji bit-tfal u anki anzjani daru dawn it-tempji li kienu nstabu minn Sir Temi Zammit.
Min lemaħ xi dettal fuq ġebla megalitika u min saqsa għax għelbitu l-kurżità, bosta kienu interessati fuq dan is-sit storiku li jmur lura għal aktar minn ħames t’elef sena.
Fost dawn kien hemm it-turisti li wkoll ħatfu l-opportunità u żaru dawn it-tempji mingħajr ħlas.
Kelliem għal Heritage Malta spjega kif l-organizazzjoni qed tieħu l-inizzjattiva li tagħti iktar viżibilità lis-siti storiċi li għandha f’idejha.
Spjega kif kull xahar, in-nies se jibda jkollhom opportunità biex iżuru minn tal-inqas żewġ siti storiċi b’xejn, f’dati differenti.