Jilgħab bħal donnu sabi, mimli ħajja u enerġija.
Dan huwa Nigel Spiteri, tfajjel ta’ tnax-il sena li wara diversi sfidi f’ħajtu fl-aħħar irnexxielu jsib trapjant tal-qalb.
Illum il-ġurnata, bil-barka tat-tabib, Nigel jista’ jilgħab il-logħba tal-ballun li tant iħobb.
Kif qalilna hu stess meta żornih jilgħab il-futbol f’turnew li ġie organizzat b’risq Puttinu, dik l-għaqda li għenet bil-kbir lilu u lil familtu, l-għatx għal futbol baqa’ hemm anki meta kien qed jissielet biex jikseb saħħtu lura.
Nigel qal li “Issa qed nħossni ferm tajjeb għax issa pereżempju nista’ nilgħab il-futbol u dak kien ix-xewqa tiegħi minn mindu ġrali din li nfiq u nerġa’ nilgħab il-futbol.”
It-tifel liebes ħwejjeġ ferm iżjed puliti u mhux sportivi għax kien għadu ġej mill-quddies, spjega l-fidi bla tarf li għandu hu u li ħaddieħor għandu jkollu sabiex jegħleb l-isfidi tal-ħajja.
Aħna u nsegwu lil Nigel jilgħab u juri l-aqwa teknika għal futbol, stajna naraw kemm dan it-tfajjel ġibed is-simpatija ta’ bosta.
Fuq kollox dan it-tfajjel jixraqlu tassew li jkun maħbub wara li għal xi żmien il-ħajja kienet miegħu bħal pinta ħelu u bitija morr.