F’nofs siegħa jħambaq kontra l-Gvern u kontra kull suċċess miksub mill-poplu Malti u Għawdxi, il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia semma kif il-Gvern ma joħloqx ġid.
L-għada li żewġ aġenziji internazzjonali ta’ kreditu, DBRS u Moody’s taw ċertifikat ta’ eċċellenza għall-ekonomija Maltija, Delia qal hekk quddiem il-partitarji tiegħu.
Il-Kap tal-PN qal “Huma żbaljati ċ-ċifri u l-figuri.”
Delia kompla fejn ħalla qabel jiġifieri attakka l-investiment fis-settur tas-saħħa tal-kumpanija rinomata Amerikana Steward Healthcare.
Delia qal “Dan in-negozju maħmuġ.”Qabel il-Kap tkellem il-Whip tiegħu Robert Cutajar li għamel din id-dikjarazzjoni.
Qal “Aħna l-Partit kontra kull forma ta’ vjolenza domestika, tiġi minn fejn tiġi. Dan mhux qed ngħidu jien imma għidnih fil-Parlament.”
Dikjarazzjoni mill-aktar surreali hekk kif id-deputat Edwin Vassallo vvota kontra liġi li għandha tiddefendi l-interessi ta’ dawk vulnerabbli minħabba l-vjolenza domestika.
Iżda d-deputat Nazzjonalista Mellieħi ma waqafx hemm.
Huwa kompla fuq dak li qal Dione Borg fuq Radju Malta l-jum ta’ qabel u f’botta ċara reġa’ sabbat il-bieb f’wiċċ il-Kunsillier Charlot Cassar li rriżenja mill-Partit Nazzjonalista.
Cutajar qal “Għandna nkunu kapaċi li naħdmu bħala team. M’hawnx post, le f’dan il-Partit.”
Sadanittant fl-istess gimgha li kumitat tal-parlament ewropew qal li baqa’ impressjonat bil-hidma li saret b’rabta mal-Belt Kapitali Ewropea tal-kultura, is-Sindku u l-Viċi-Sindku tal-Belt qalu li l-Gvern m’għamel xejn b’risq dan l-avveniment.
Filfatt għal Viċi-Sindku Belti jeżistu biss żewġ persuni li tefaghhom f’keffa waħda.
Micallef qal “Jiġuni biss żewġ personalitajiet kbar li naqqxu isimhom bil-kbir fl-istorja tal-Belt. Jean de Valette u Lawrence Gonzi.”