Il-Partit Laburista fi stqarrija qal li l-Partit Nazzjonalista jrid jieqaf jipprova jwaħħal f’ħaddieħor għall-problemi li ħoloq hu f’San Pawl il-Baħar. Li wara l-ħatra ta’ Adrian Delia bħala Kap l-PN ma kienx kapaċi jżomm il-maġġoranza li kellu f’din il-lokalità mhux tort tal-Partit Laburista. Iżda, huwa tort tan-nuqqas tat-tmexxija tal-istess Delia.
Il-Partit Laburista jinnota wkoll kif il-Gvern ħa l-passi kollha meħtieġa bil-għan li tkun implimentata d-deċiżjoni li tat il-qorti b’rabta ma’ dan il-Kunsill Lokali fl-aħħar ġimgħat. Issa l-ballun jinsab f’saqajn il-Partit Nazzjonalista li jrid iwieġeb hu wkoll għall-fatt li l-ħaddiema baqgħu mingħajr salarju.
Dan għax kienet ukoll kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista li rrifjutat li tmur tieħu l-ġurament bħala l-iktar kunsillier anzjan skont il-liġi, b’mod li kienet iżżomm għaddej l-operat tal-Kunsill Lokali.