Ir-rapporti fl-aħħar sigħat mill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu huma xhieda oħra ta’ kif amministrazzjoni tal-Partit Laburista qed tibdel dan il-pajjiż. Filwaqt li llum sar normali nitkellmu fuq upgrades, sa ftit tas-snin ilu dan il-pajjiż kien qed jiffaċja sensiela ta’ downgrades.
Dawn ir-rapporti huma xhieda oħra ta’ kif dan il-gvern għolla ‘l fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Fil-fatt dawn it-tip ta’ rapporti huma dawk li jħarsu lejhom investituri minn madwar id-dinja meta jaraw fejn se jmorru bil-proġetti li jmiss tagħhom. Mhux ta’ b’xejn li Malta llum għandha rekord ta’ investiment.
Iżda, is-sabiħ f’dan kollu hu kif fl-aħħar mill-aħħar huwa l-poplu Malti li qed igawdi minn dawn il-bidliet. Bil-gvern jinsab f’pożizzjoni li jimplimenta għad kbir ta’ miżuri soċjali li qed jibdlu għall-aħjar il-ħajja tal-familji, l-anzjani u ż-żgħażagħ tagħna. Miżuri li rajna jkomplu jkunu implimentati fl-aħħar jiem u li se jissoktaw għaż-żmien li ġej.