Nhar il-Ħamis filgħaxija, l-Awtorità tal-Ippjanar kompliet tneħħi billboards illegali skond l-Avviż Legali 36 ta’ l-2018 li daħal fis-seħħ fit-2 ta’ Frar. Dawn ir-regolamenti riveduti jiffaċilitaw il-kontroll ta’ billboards illegali mill-Awtorità tal-Ippjanar u awtoritajiet kompetenti oħra.
Il-Grupp ta’ Azzjoni Diretta tal-Awtorità tal-Ippjanar f’koordinazzjoni mal-Korp tal-Pulizija u s-settur privat neħħa l-illegalitajiet minn diversi siti li jinsabu fuq proprjetà privata u spazji pubbliċi. B’kollox tneħħew 12 billboard u sinjal kummerċjali mill-lokalitajiet ta’ Ħal Qormi, Msida, Kappara, Swieqi u Pembroke.
Din l-azzjoni diretta ssegwi t-tneħħija ta’ sitt billboards il-ġimgħa li għaddiet, u hija parti minn eżerċizzju ta’ tindif ippjanat.