L-avukati ta’ Terence Tanti, ġuvni akkużat bil-qtil involontarju ta’ Matthew Meilak ta’ tnejn u għoxrin sena, tefgħu dubju fuq il-kustodja tal-kampjuni li fuqhom il-prosekuzzjoni qed tibbaża l-każ tagħha.
Tanti, li qed ikun akkużat ukoll li saq taħt l-effett tal-alkaħol, ikkawża ġrieħi serji lil passiġġier ieħor u b’sewqan perikoluż. L-aċċident fatali tat-traffiku li fih Meilak tilef ħajtu, seħħ fl-ewwel ta’ Jannar tal-elfejn u ħmistax fin-Nadur, Għawdex.
L-espert tal-qorti, Michael Refalo li kien appuntat mill-Qorti biex jieħu l-kampjuni u jittestja d-demm ta’ Tanti kien qal lill-Qorti li Tanti kellu ammont eċċessiv ta’ alkaħol mil-limitu legali.
It-test seħħ erba’ sigħat wara l-inċident fatali li fih inqatel Meilak, b’Tanti qed jiċħad li saq xurban.