Serqu lil Alan Pulido, plejer internazzjonali Messikan.
Pulido għandu 25 sena u kien maħtuf fit-toroq ta’ Ciudad Victoria, il-kapitali tar-reġjun Tamaulipas. Pulido huwa striker u jilgħab għat-tim Grieg Olympiakos, minbarra li lagħab kemm-il darba mat-tim nazzjonali Messikan.
Forzi tas-sigurtà fil-Messiku niedew operazzjoni ta’ tfittxija maġġuri. Meta għeb kien viċin daru u kien għadu kemm telaq minn festin flimkien mal-għarusa tiegħu kmieni lbieraħ filgħodu, meta bosta trakkijiet daru l-karozza li kienu fiha. Sitt irġiel allegatament ħadu lill-attakkant billi użaw il-forza u ħallew lill-għarusa tiegħu fil-parkeġġ fejn seħħ l-inċident.
“Huwa żmien diffiċli, u l-ħsibijiet tagħna jinsabu m’Alan” kitbu Olympiakos bil-Grieg fuq Twitter.
Fil-Messiku hemm waħda mill-ogħla rati ta’ ħtif ta’ persuni. Huwa stmat li 1,000 persuna tkun maħtufa kull sena. Oħrajn jinsistu li l-ammont huwa għaxar darbiet aktar minn dak li tgħid statistika uffiċjali.