Raġel ta’ tlieta u tletin sena mill-Filippini tressaq il-Qorti mixli li xerred filmat ta’ raġel jistupra tarbija.
Dan il-filmat li fil-Qorti ġie deskritt bħala disturbanti u xokkanti diġa qajjem diskussjoni fil-Filippini hekk kif min ħa l-filmat spiċċa ngħata l-piena tal-mewt f’pajjiżu.
Minħabba li r-raġel tal-Filippini m’għandu ebda rabtiet ma’ Malta, il-Qorti rrifjutat il-ħelsien mill-arrest hekk kif hemm ċans li jitlaq mill-pajjiż.
Fil-Qorti tressqu wkoll erba’ t’irġiel oħra fejn ġew akkużati li kienu fil-pussess u xerrdu materjal relatat ma’ pornografija tat-tfal.
L-arresti ġew wara ħidma intensiva mill-Iskwadra ta’ kontra l-Vizzji li kkolaborat mal-Interpol.
Żejtuni ta’ ħamsa u erbgħin sena ġie mixli li xerred materjal pornografiku ta’ minorenni. Huwa ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih.
Kok ta’ 31 residenti l-Fgura spiċċa wkoll fil-lista ta’ persuni segwiti mill-Interpol. Fil-Qorti ntqal li meta l-Pulizija marret fir-residenza tal-akkużat sabet ammont ta’ kannabis u droga oħra li dehret li ma kinitx għall-użu personali tiegħu.
Hu ġie arrestat u ttieħed il-Qorti fejn wieġeb mhux ħati li kien fil-pussess tad-droga u kif ukoll fuq akkużi relatati ma’ materjal pornografiku tat-tfal.
Intant tressaq ukoll student ta’ għoxrin sena minn San Ġiljan li qal li għelbitu l-kurżità u kien għalhekk li daħal jara l-pornografija tat-tfal.
Hawnhekk il-prosekuzzjoni kkonfermat li dan kien minnu iżda li l-akkużat kellu vizzju ieħor li jara l-pornografija ta’ kull tip kuljum.
Intant Sirjan ta’ sebgħa u tletin sena wkoll ġie akkużat li kellu fil-pussess tiegħu materjal pornografiku tat-tfal.
L-akkużat spjega kif il-każ hu dwar filmat li kien fuq mowbajl ta’ klijent tiegħu li allegatament ma kienx tħassar.
Il-Qorti rrifjutat it-talba għall-ħelsien mill-arrest għal ħames imputati.