Sinċerament mhux għax huwa Deputat tal-Oppożizzjoni, jew għax iħaddan opinjonijiet differenti minn tiegħi, iżda meta nara lil Jason Azzopardi, fih nara l-impersonfikazzjoni tal-ipokrezija.
Nammetti li jekk ikun hemm xi ħadd li jisimgħu fil-Parlament u ma jkunx jaf il-background tiegħu tibda taħseb li huwa awtorità biex jitkellem fuq suġġetti tal-kontabilità, trasparenza, governanza tajba u issa fl-aħħar l-ambjent.Imma fil-veritá huwa bniedem li ma tiflaħx tisimgħu jitkellem jekk tkun taf l-istorja politika tiegħu. U l-problema li għandu hija li aktar minn tliet kwarti tal-poplu Malti u Għawdxi jafu xi jfisser!
Mela mhux ipokrita trid tkun biex il-Ħadd li għadda tmur titkellem mal-bdiewa li għandhom l-għelieqi f’Bulebel meta tkun inti stess li ffirmajt biex dik l-art tkun immarkata għal fabbriki? Dak huwa dak li għamel Jason Azzopardi li llum huwa l-kelliem tal-Ambjent! Ħaġa tal-għaġeb, illum qed jattakka lill-Gvern flimkien mal-Partit tiegħu minkejja li għamilha hu u minkejja li l-Gvern qed jaħdem sabiex isib alternattiva. Kemm hu ipokrita!
Aktar mis-sensiela …
Mela ma tridx tkun ipokrita li titkellem fuq il-Governanza tajba ma’ kull okkażjoni meta għandu sensiela ta’ rapporti tal-Awditur Ġenerali, f’kobob imħawda aktar minn xi soap opera, fuq il-frejjeġ li għamel meta kien responsabbli mil-lands.
Dan għandu rapporti tal-Awditur fuq il-każ tal-Lowenbrau, l-encroachments qabel l-elezzjoni, il-każ tal-HSBC tal-Belt Valletta, il-każ ta’ Spinola, tal-Mare D’Oro…
u nibqgħu sejrin hekk.
Trid tkun vera ipokrita biex tgħid xi ħaġa, jew trid tkun Jason Azzopardi!