Ilbieraħ il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca inawgurat ix-xogħlijiet li bdew matul il-ġimgħa li għaddiet għal skatepark f’Birżebbuġa. Kull min għandu l-interess tar-roti u l-iskateboarding f’Birżebbuġa jista’ jgħid li din ix-xewqa għal dan il-proġett ilha għal diversi snin. Minkejja li fil-passat kien hemm rampi tal-injam biex jintużaw bħala skatepark, dawn kienu suġetti għall-elementi u anke għall-vandaliżmu, b’hekk tneħħew biex jiġi eliminat kull periklu. Minn dak iż-żmien ’l hawn ix-xewqa baqgħet u kompliet tiżdied għal dan il-proġett. Il-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa fl-aħħar leġiżlatura kien għamel il-pjanti għall-master plan tal-Bajja s-Sabiħa li kien jinkludi fih skatepark, u dan kien anke approvat mill-MEPA dak iż-żmien. Intant, biex isir skatepark tal-konkrit imħaffer fir-ramel kien jirrikjedi fondi kbar.
Fl-2015 beda programm mill-Aġenzija Żgħażagħ. Dan il-programm jinvolvi detached youth work f’lokalitajiet diversi fosthom Birżebbuġa. Il-youth workers f’Birżebbuġa kienu ltaqgħu ma’ grupp ta’ żgħażagħ li għandhom l-interess tar-roti u l-iskateboarding, u fl-ewwel laqgħa tagħhom, iż-żgħażagħ esprimew mill-ewwel ix-xewqa tagħhom. Il-youth workers għamlu kuntatt mal-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa, b’mod partikulari mal-kunsilliera responsabbli miż-żgħażagħ biex jikkomunikaw din ix-xewqa. Ovvjament, il-fondi kienu għadhom il-problema ewlenija, iżda ma tħallewx ixekklu l-proġett milli jimaterjalizza.
Kienu bosta l-laqgħat li saru bejn il-Kunsill, l-Aġenzija Żgħażagħ u ż-żgħażagħ dilettanti tal-isport tar-roti, u wara ftit żmien l-Aġenzija Żgħażagħ kienet għamlet kuntatt mal-President’s Trust. Din tal-aħħar taqa’ taħt il-kappa tal-President tar-Repubblika l-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca u li l-għan tagħha hija li taħdem fuq proġetti mmirati għat-tfal u għaż-żgħażagħ. Fi Frar ta’ sentejn ilu bdew it-taħditiet mal-President’s Trust għal dan il-proġett.
Iż-żgħażagħ kienu parti integrali f’kull pass li sar biex illum wasalna sabiex naraw ix-xogħlijiet tal-kostruzzjoni fil-Bajja s-Sabiħa. Infatti kienu huma li flimkien mal-perit iddisinjaw il-pjanta tal-iskatepark.
Minkejja li llum qed isiru x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, il-bini tiegħu se jwassal biex fil-bajja ta’ Birżebbuġa tiżdied l-attività sportiva flimkien ma’ dak li diġà hemm. Fil-fatt, il-post kien maħsub ukoll biex jikkumplimenta l-bajja flimkien mal-moviment li jkun hemm fix-xatt ta’ Birżebbuġa. Dan il-proġett kien maħsub ukoll sabiex jagħti empowerment liż-żgħażagħ u fl-istess ħin ingħatatilhom l-opportunità li jaħdmu fuq proġett daqstant kbir mill-bidu nett tiegħu.