Kif ippjanat, dalgħodu qed jitkompla x-xogħol ta’ tħejjija għat-tieni fażi tal-Proġett tal-Junction tal-Marsa.
Bħalissa l-kuntrattur qiegħed juża sa tliet korsiji minn Triq Aldo Moro (direzzjoni lejn il-Belt) biex jitwaqqgħu xi siġar. Dan biex eventwalment fit-tieni fażi tal-proġett tal-Junction tal-Marsa, titwessa’ parti minn Triq Aldo Moro u jsir xogħol fi Triq il-Gvern Lokali. Fażi li matulha wkoll il-kuntrattur se jibni numru ta’ kanali għas-servizzi.
Ta’ min jinnota li t-twaqqigħ tas-siġar qed isir b’mod strutturat, fejn l-ewwel nett ġie identifikat il-valur ambjentali ta’ dawn is-siġar. Eventwalment ġew immarkati s-siġar u l-pjanti li huma ta’ importanza għolja, u dawk li mhumiex. Biex b’hekk, filwaqt li xi siġar se jitneħħew għalkollox, oħrajn se jinqalgħu biex jitpoġġew f’postijiet oħra skont il-ħtieġa.
Transport Malta tħeġġeġ lin-nies biex issegwi t-tabelli temporanji u l-istruzzjonijiet tal-uffiċjali fuq il-post, u tfakkar li dan il-proġett se jtejjeb bil-kbir l-effiċjenza tal-iktar junction użata f’pajjiżna.