Waqt li kien qed jindirizza lill-Ministri tal-Affarijiet Barranin fl-Unjoni ewropea, il-Ministru Carmelo Abela saħaq li l-istrateġija tal-UE dwar is-Sirja, li ġiet adottata f’Marzu tal-2017, għandha tkompli tinsisti biex tinstab reżoluzzjoni sostenibbli dwar il-kunflitt li ilu jħalli l-effett tiegħu fuq is-Sirja tul dawn l-aħħar seba’ snin.L-istrateġija hi mmirata biex ittemm il-gwerra permezz ta’ proċess ta’ tranżazzjoni politika nnegozjata minn partiti mal-kunflitt, bl-appoġġ tal-Mibgħut Speċjali tan-Nazzjonijiet Magħquda għas-Sirja.
Il-Ministru Abela kien qed jindirizza laqgħa informali li kienet mtella’ mill-Presidenza Bulgara tal-UE li ttellgħet fil-15 u s-16 ta’ Frar fil-Palazz Nazzjonali għall-Kultura f’Sofia. Waqt li esprima l-ħsibijiet ta’ Malta dwar is-sitwazzjoni li qed tiddeterjora fis-Sirja, il-Ministru Abela saħaq dwar kif l-ebda soluzzjoni militari mhi se ssolvi l-kunflitt fil-pajjiż.
Id-diskussjoni dwar is-Sirja fl-ewwel jum tal-laqgħat segwew b’diskussjoni dwar il-Western Balkans u kif ukoll dwar il-politika tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-Korea ta’ Fuq. Abela esprima l-appoġġ ta’ Malta dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Western Balkans, fejn iddeskriviha bħala waħda relevanti u li toffri opportunitajiet għal diskussjonijiet.
Fit-tieni jum ngħaqdu fil-laqgħat il-Minsitri għall-Affarijiet Barranin tal-ħames pajjiżi kandidati tal-UE sabiex jiddiskutu s-sigurtà u d-difiża.