Matul dawn l-aħħar ġranet kien qed jiġi ċirkulat fuq il-mezzi tal-media soċjali, flyer maħruġ minn Think Thank bl-isem ta’ Malta Water Assosciation b’logo tal-Universita ta’ Malta. F’dan il-flyer qed jingħad li l-ilma f’Malta hu skars u li f’każ ta’ ħsara fl-impjant tar-reverse osmosis, ir-riserva tal-ilma hija biss ta’ jumejn.
L-informazzjoni li qed tingħata hija kompletament skorreta u tista’ twassal sabiex jinħoloq allarm fost il-pubbliku. Dan saħqitu l-korporazzjoni għas-servizzi tal-ilma fi stqarrija li ħarġet. Għal kuntrarju ta’ dak li qed jigi allegat, il-WSC tħossha fid-dmir li tavża lill-pubbliku li m’hemm l-ebda sitwazzjoni ta’ periklu u allarm ta’ skarsezza.
Filwaqt li huwa vera li f’Malta għandna nuqqas ta’ riżorsi naturali ta’ ilma, bħall-maġġoranza tal-pajjiżi l-oħra fil-Mediterran, madanakollu, frott tal-investimenti li saru fl-iżvilupp tar-riżorsi alternattivi tal-ilma mal-medda tas-snin, pajjiżna huwa f’sitwazzjoni li jista’ jlaħħaq mad-domanda għall-bżonn tal-ilma f’kull eventwalita’.
Ta’ min jgħid li f’Malta m’għandniex impjant wieħed iżda tlieta, u l-iskop huwa biex f’każ remot ta’ ħsarat fis-sistema kollha ta’ impjant sħiħ, il-faċilitajiet l-oħra jagħmlu tajjeb għal din il-ħsara billi jinżamm livell għoli ta’ produzzjoni.
F’każ li l-akbar impjant ifalli, il-WSC xorta kapaċi tigarantixxi b’aktar minn xahar forniment ta’ ilma, li huwa ferm aktar minn biżżejjed biex isiru t-tiswijiet neċessarji. Il-WSC ittenni l-impenn tagħħa li tkompli tinvesti f’infrastruttura b’saħħitha għall-esiġenzi tal-pajjiż.