Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza Helena Dalli ħabbret fil-Parlament li l-kummissjoni għall-ugwaljanza, l-NCPE, se tiġi kostitwita biex issir entità awtonoma.
Meta wieġbet mistoqsija tal-Whip tal-Gvern Byron Camilleri, il-Ministru qalet li din hija skont dak li nbeda fil-legislatura l-oħra u din tinvolvi ħafna djalogu mas-sħab soċjali.
Hija qalet li se jitressqu żewġ liġijiet. Waħda li se twaqqaf din il-kummissjoni awtonoma li se tkun taqa’ taħt l-iSpeaker tal-Kamra u l-Kummissarju jkun maħtur biż-żewġ terzi tal-Kamra.
Din il-Kummissjoni se tkun imfassla fuq il-liġi ta’ Pariġi li wieħed mill-punti ewlenin tagħha, hija l-awtonomija.
Ma’ din il-liġi, hemm il-liġi tad-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza fejn il-gvern irid isaħħaħ id-drittijiet eżistenti. Din mhux se tħalli ebda aspett li mhux indirizzat.
Aktar qabel il-Ministru Dalli qalet li twaqqfet kummissjoni li qed tevalwa is-sitwazzjoni ta’ dawk il-familji li d-dħul tagħhom hija l-paga minima.
Meta wieġbet għal mistoqsija tal-membru laburista Clayton Bartolo, il-Ministru fakkret li l-paga minima għoliet wara 27 sena, frott tad-djologu soċjali, bejn min iħaddem, il-unions, il-gvern u s-soċjetà ċivili. U tenniet li ħadd ma jrid li jerġgħu jgħaddu 27 sena oħra qabel ma din il-paga terġa’ tkun riveduta.
Il-Ministru Dali qalet li din il-kummissjoni se tkun qed tgħaddi rapport direttament lill-Prim Ministru wara li tagħmel analiżi tas-sitwazzjoni u kemm dawn il-familji li qegħdin fuq il-paga minima il-livell tal-għixien tagħhom u xi tkun il-kwalità tal-ħajja tagħhom.
Meta ssir din l-evalwazzjoni tkun tista’ terġa’ tittieħed deċizjoni meta jmiss li l-paga minima terġa’ togħla.
Rigward il-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-Ministru Dalli qalet li dalwaqt se tressaq abbozz ta’ liġi li jemenda l-liġi tax-xogħol. Qalet li l-pajjiż irid jimxi maż-żminijiet għax ir-realtajiet tal-ħaddiema inbidlu minn meta tfasslet il-liġi. L-emendi jirriflettu kif is-soċjetà qed tgħix fil-preżent fejn m’għadux ir-raġel li huwa l-breadwinner ewlieni imma f’ħafna familji illum għandek il-koppja li l-mara u r-raġel flimkien jikkontribwixxu għall-għixien tal-familja.
Għalhekk, il-kundizzjonijiet tax-xogħol iridu jkunu riflessi fil-liġi għax inkella jkun inutli li ngħidu li għandna bżonn aktar nisa fis-suq tax-xogħol u nħeġġu lin-nies ikomplu jistudjaw biex itejbu l-karriera tagħhom jekk ma jkunx hemm l-istrutturi biex dawn il-familji jkunu jistgħu jagħmlu dan.
Fuq mistoqsija tal-whip tal-gvern Byron Camilleri, il-Ministru Dalli qalet li din is-sena l-ħaddiema se jieħdu lura btala waħda minn dawk li kien ħadilhom il-gvern nazzjonalista. Din il-ġurnata se tiżdied mal-leave annwali.
Hija qalet li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet mas-sħab soċjali dwar kif se jkomplu iwettqu din il-wegħda elettorali sakemm jasal iż-żmien li l-ħaddiem jingħata l-ġranet kollha.
Il-viċi kap tal-oppożizzjoni David Agius irrefera għall-prekarjat bil-Ministru Dalli tgħid li kien il-gvern Laburista li beda jaħdem bis-serjetà fuq din il-problema u issa għax daħal il-gvern, ħaddiema li jagħmlu l-istess xogħol , dawk tal-gvern vis-à-vis dawk tal-privat jieħdu l-istess paga. Kien hemm kumpanija li kompliet b’dan il-mod u ġiet blacklisted mill-gvern.
Hija qalet li issa qed jaħdmu biex jindirizzaw ukoll il-kwistjoni fejn kumpanija tal-privat tagħmel sub-contracting għax hemm każi fejn ħaddiema fil-kumpanija ewlenija qed jaqilgħu iżjed minn dawk fil-kumpanija li tkun sub contracted.