Nhar l-Erbgħa li ġej il-Gvern se jkun qed jinawgura l-ewwel laboratorju tad-DNA akkreditat bi standards Ewropej. Żvela dan il-gurnal Kullħadd li fisser kif dan se jsir wara li l-privat irrisponda għal espressjoni ta’ interess maħruġa mill-Gvern, li permezz tagħha t-tmexxija tal-laboratorju tad-DNA privat li kellna f’Malta issa se tkun tifforma parti mill-Malta Laboratories Network.
Il-Professur Anthony Serracino Inglott, Chairman tan-netwerk tal-laboratorji, qal mal kullhadd kif il-laboratorju l-ġdid tad-DNA, li jinsab fil-Life Sciences Park, se jġib miegħu diversi vantaġġi. Qabel il-Gvern kellu żewġ għażliet għall-analiżi ta’ kampjuni tad-DNA; jibgħathom għand il-privat fiċ-ċentru tal-inkubazzjoni, fejn ma setgħux jinżammu għal tul ta’ żmien, inkella jibgħathom barra minn Malta.
Din il-proċedura spiss kienet tispiċċa tiswa eluf kbar ta’ ewro, għaliex anki jekk it-testijiet infushom ma jkunux jiswew ħafna flus, il-Qorti titlob ix-xhieda tal-analisti tal-kampjuni. Dawn ikollhom jinġiebu minn barra u jiġu kkumpensati, minbarra l-ispejjeż tal-vjaġġ u l-akkomodazzjoni. Din is-sistema kienet twassal ukoll għal iktar dewmien fil-Qrati.