ONE News huwa infurmat li fl-aħħar ħinijiet l-organizzaturi tal-Karnival ħadu deċiżjoni biex l-attivitajiet li tħassru minħabba l-maltemp li laqat il-gżejjer Maltin isiru fi tmiem din il-ġimgħa.
L-isfilata u l-kompetizzjonijiet taż-żfin li kienu skedati għal l-lum waranofsinhar kellhom jitħassru minħabba li x-xita kompliet tippersisti.
Għal għada, il-Karnival xorta għadu ppjanat li jsir fi Triq Sant’Anna fil-Furjana, la darba t-temp jippermetti.
Id-deċiżjoni dwar il-Karnival li jimxi fi tmiem il-ġimgħa li ġej ittieħdet wara d-diżappunt li wrew il-parteċipanti minħabba l-flus u l-ħin li ddedikaw biex itellgħu l-Karnival.
Hu mifhum li l-Ministeru għall-Kultura flimkien mad-direttur artistiku tal-Karnival Jason Busuttil laqgħu t-talba tal-parteċipanti wara diversi laqgħat.
Sadanittant ma’ ONE News Clint Axisa, il-President tal-Għaqda parteċipanti tal-Karnival esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal din id-deċiżjoni.
Ara l-kummenti tas-Sur Axisa.