Waqt intervista fuq l-istazzjon rinomat Amerikan Bloomberg, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna rrimarka għat-tkabbir ekonomiku li pajjiżna qed jirreġistra.
Fi studjo li l-istazzjon għandu f’Londra, il-Ministru Scicluna ġie mistoqsi dwar l-andament ekonomiku pożittiv tal-iżgħar stat membru tal-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru Edward Scicluna ġie mistoqsi wkoll dwar l-impressjoni negattiva ta’ pajjiżna li qed tingħata mill-Oppożizzjoni u saħaq li din qed tiġi pruvata mod ieħor mill-aġenziji ta’ kreditu internazzjonali.
Filfatt Edward Scicluna kien qed jitkellem ftit jiem wara li Fitch ikkonfermat ir-rating tal-ekonomija ta’ pajjiżna bħala A+ stabbli.
L-istess aġenzija ta’ kreditu internazzjonali rrevediet ‘il fuq it-tbassir ekonomiku għal Malta.
Il-Professur Scicluna tkellem ukoll dwar il-pożizzjoni strateġika ta’ gżiritna u qal li l-fatt li Ingliż huwa lingwa uffiċjali u l-lingwa Maltija hija waħda semitika, qed jgħin aktar biex nattiraw bosta investituri kemm mid-dinja tal-Punent iżda anki mid-dinja Għarbija.
Mistoqsi dwar BREXIT, il-Ministru tal-Finanzi spjega kif din hija sfida li issa qed tnissel iżjed inċertezza fost iċ-ċittadini tar-Renju Unit milli fost il-popli tal-Unjoni Ewropea.