Raġel, li skont rapport li deher fuq il-midja huwa bniedem fil-bżonn ta’ kenn, irrifjuta li jidħol f’residenza u għażel li jibqa’ jgħix barra.
Fi stqarrija l-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali għamel referenza għar-rapport li deher fuq l-istazzjon NET nhar il-Ħadd 11 ta’ Frar dwar il-każ tar-raġel bl-isem ta’ Alfred Spiteri fejn spjega kif minkejja li ġie offrut kenn hu rrifjuta u baqa’ jinsisti li ma jridx.
Il-Ministeru spjega kif kien nhar l-Erbgħa 7 ta’ Frar, li Alfred Spiteri mar il-Ministeru jitlob għall-kenn wara li spjega li kien ilu barra għal numru ta’ sigħat. Rapport tal-pulizija jindika li r-raġel tkeċċa mill-familjari tiegħu stess.
Il-Ministeru minnufih għamel l-arranġamenti meħtieġa biex ir-raġel jintbagħat f’residenza li fiha night shelter fil-Mellieħa biex iqatta’ l-lejl hemmhekk. F’inqas minn siegħa, il-Ministeru ordna taxi sabiex twassal lir-raġel ġo din ir-residenza fil-Mellieħa. L-għada filgħodu, nhar il-Ħamis 8 ta’ Frar, social worker fi ħdan l-Aġenzija Sapport marret biex tkellem lir-raġel, u saħansitra anke bdew proċeduri biex Alfred Spiteri jidħol f’residenza, iżda huwa baqa’ jinsisti li ma jridx, tant li ffirma wkoll biex jitlaq mill-home tal-Mellieħa bil-volontà tiegħu.
Il-Ministeru nnota li huwa ta’ dispjaċir li l-media tal-Oppożizzjoni tibqa’ tuża sitwazzjonijiet sensittivi bħal dawn biex tipprova tirbaħ punti politiċi. Il-Gvern jixtieq li jaħdem ma’ Oppożizzjoni kostruttiva biex verament jgħin lil nies vulnerabbli, iżda sfortunatament iktar ma jgħaddi ż-żmien qed tispikka Oppożizzjoni negattiva u mingħajr ebda sustanza.
Fl-istess ħin il-Gvern se jkompli jagħmel l-almu tiegħu, u bil-fatti, jindirizza problemi ta’ housing kemm fl-immedjat kif ukoll fit-tul.
Hawn isfel qed tiġi ppubblikata dikjarazzjoni ta’ Alfred Spiteri fejn stqarr li qed jitlaq mir-residenza offruta lilu b’mod volontarju.
[pdf-embedder url=”http://www.one.com.mt/wp-content/uploads/2018/02/FileDownload.pdf”]