Frar ifawwar il-bjar li jkun mela Jannar. Hekk jgħid il-Malti u propju llum, fil-jum tal-festa ta’ San Pawl nawfragu, it-temp fakkarna fil-ġrajja li ġrat fis-sittin sena wara Kristu. San Pawl, kien ġie arrestat f’Ġerusalem wara li kien qed ixandar it-tagħlim tal-Kristjaneżmu.
Quddiem il-Gvernatur Ruman, San Pawl eżerċita d-dritt tiegħu bħala ċittadin Ruman u appella biex jidher quddiem Ċesri, l-Imperatur f’Ruma. San Pawl flimkien ma’ numru ta’ ħabsin oħra telaq fi triqtu lejn Ruma.
L-aħħar post li niżlu fih qabel il-ġifen li kien hemm fih San Pawl jew kif kien magħruf qabel Sawlu, kien fi Kreta. Minn hemm il-ġifen kompla jbaħħar fil-Mediterran u wara maltemp qawwi, fl-erbatax-il lejla l-ġifen ħabat ma’ sikka viċin gżiritna, dak iż-żmien imsejħa Melita.
L-istorja tal-miġja ta’ San Pawl f’Malta hi dokumentata fl-Atti tal-Appostli permezz ta’ kitba ta’ San Luqa. Luqa kien qed jakkumpanja lil Pawlu tul il-vjaġġ tiegħu lejn Ruma. Tul is-snin saru diversi studji dwar fejn inkalja l-ġifen.
Numru t’arkaeoloġisti wettqu tiftix fl-ibħra madwar Malta, fosthom fil-bajja tas-Salini, fil-baħar viċin il-Qawa u fil-bajja ta’ San Pawl il-Baħar, qrib il-gżejjer ta’ San Pawl.
Mal-wasla tal-Għarab, tminn miet sena wara li San Pawl xerred it-tagħlim tal-Kristjaneżmu f’Malta, beda t-tixrid tal-Iżlam.
Minkejja li l-wasla tal-Konti Ruġġieru u l-qawwa Kristjana tiegħu tan-Normanni ġiet Malta fl-elf u wieħed u disgħin, sa mija u ħamsin wara, il-maġġoranza assoluta tal-Maltin kienu għadhom Musulmani.
Dan ħareġ biċ-ċar f’ċensiment li kien sar minn Ġilibertu Abbate. Il-kult Pawlin ħa s-saħħa tiegħu meta f’Malta kien hawn isaltan l-Ordni ta’ San Ġwann.
Kien il-Granmastru Alof de Wignacourt li ta l-ħajja l-kult Pawlin f’Malta u li issa jiġi ċċelebrat fl-għaxra ta’ Frar bħala n-nawfragu ta’ San Pawl u fl-ewwel Ħadd ta’ Lulju bħala l-martirju ta’ dan il-qaddis.
Peress li għal din is-sena, l-Għid il-Kbir ġej kmieni, il-festa ta’ San Pawl Nawfragu imxiet aktar kmieni u l-festa fil-Belt Valletta ġiet iċċelebrata x-xahar li għadda.