Il-Gvern ħabbar li qiegħed jikkonsidra siti alternattivi għal art fiż-Żejtun biex jinbnew għadd ta’ fabbriki ġodda biex jilqgħu għal industriji ġodda f’pajjiżna u oħrajn li ilhm is-snin f’Malta u qed jippjanaw li jkabbru l-operat tagħhom.
Il-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona qal ma’ One News li l-art li tinsab fiż-żona industrijali ta’ Bulebel ġiet ikklassfikata bħala art għall-iżvilupp industrijali lura fl-elfejn u sitta. Qal li l-art għaddiet għand il-Malta Industrial Parks għal dan l-iskop fl-2009.
Mistoqsi minn One News dwar kritika li saret minn bosta, fosthom bdiewa li ilhom jaħdmu din l-art fiż-Żejtun għal bosta snin, il-Ministru Cardona ma eskludix li jkun hemm żoni alternattivi għal dan il-proġett.
Cardona qal “Jiena infurmat li l-pjan huwa fil-bidu tiegħu ħafna, nassigurak u nassigura lin-nies kollha involuti li l-gvern se jagħmel studju fuq l-impatt soċjali u ambjentali ta’ din iż-żona li permezz tiegħu mbagħad iwassal biex jieħu d-deċiżjonijiet li għandu jieħu pero qabel ma jkun hemm applikazzjoni – ara kemm għadu fil-bidu – se jkun hemm konsultazzjoni mal-istakeholders kollha u ma neskludux li naraw li jkun hemm żoni alternattivi li nqisu għal żvilupp industrijali.”
Il-Ministru Cardona qal li l-politika tal-Gvern teskludi żvilupp ta’ żoni industrijali ġodda u għalhekk qed issir ħidma biex jiġu identifikati żoni li huma diġà mmarkati bħala żoni industrijali għal bosta industriji li jixtiequ jinvestu f’Malta.
Il-Ministru Cardona tenna li l-Malta Industrial Parks għaddejja b’eżerċizzju biex timmassimizza l-ispazju industrijali fi żmien meta l-ekonomija Maltija qed tiġbed livell ta’ investiment bla preċedent li jsarrfu fost l-oħrajn f’aktar impjieg ta’ kwalità.