Erba’ pitturi li jifformaw parti mill-kollezzjoni nazzjonali ta’ MUŻA-il-Mużew Nazzjonali tal-Arti jinsabu esebiti fl-Italja din id-darba fil-wirja Maestri d’Olanda e di Fiandra nei mari del sud – La pittura Olandese e Fiamminga nelle collezioni di Giuseppe Bellanti, Giovanni Messina e Camillo d’Errico.
L-erba’ pitturi fil-Palazzo d’Errico f’Potenza huma n-Niket fuq il-ġisem mejjet ta’ Abel, Qtugħ ir-ras ta’ San Ġwann il-Battista u l-Parabbola tas-Sammaritan it-tajjeb ta’ Matthias Stomer u Heraclitus jew il-Bikja tal-Filosofu ta’ David De Haen.
Għal dawn l-aħħar sitt xhur dawn il-pitturi, flimkien ma’ oħrajn mill-kollezzjoni nazzjonali, kienu esebiti fil-wirja Ribera, Stomer e Mattia Preti da la Valletta 2018 a Matera 2019 fil-Museo Nazionale d’Arte Medievale e Moderna della Basolicata f’Palazzo Lanfranchi f’Matera. Sakemm tintemm il-wirja f’Potenza, il-pitturi l-oħrajn se jinżammu temporanjament f’Matera.
Dawn il-pitturi se jkunu esebiti wkoll fil-MUŻA-il-Mużew Nazzjonali tal-Arti, hekk kif dan il-mużew se jkun wieħed mill-proġetti ewlenin fl-okkażjoni tal-Valletta 2018.