Waqt li attenda l-ikbar fiera fid-dinja tar-remote gaming – l-ICE Totally f’Londra – is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri qal li l-potenzjal ta’ pajjiżna fis-settur tal-gaming jassigura li nibqgħu minn ta’ quddiem f’din l-industrija.
F’laqgħat ma’ operaturi fl-industrija li qed iħarsu biex jinvestu f’pajjiżna, Silvio Schembri spjega li l-fatt li Malta hi mogħnija b’riżors uman kompetenti, b’qafas regolatorju b’saħħtu u bil-ħsieb li tkompli tiftaħ il-bibien tagħha għal teknoloġiji ġodda bħall-cryptocurrencies u bħall-użu tal-blockchain, jagħmilha destinazzjoni ideali għal min irid jinvesti aktar.
Din is-sena Malta kellha l-ikbar numru ta’ esebituri – bl-Istati Uniti jsegwu – u s-Segretarju Parlamentari tenna li l-Gvern se jibqa’ jkun ta’ spalla għal dawk il-kumpaniji li jagħżlu lil Malta biex joperaw minnha.
“Il-potenzjal vast li jgawdi minnu pajjiżna se jkompli jwassal għal aktar tkabbir ekonomiku u għall-ħolqien ta’ aktar ġid u ta’ impjiegi li minnhom igawdu l-Maltin u l-Għawdxin kollha; tkabbir ekonomiku xprunat minn setturi bħal dan”, żied is-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri.