Studju ppublikat mill-Unjoni Ewropea juri kif il-Maltin għandhom opinjoni għolja tal-kwalità tal-għalliema u tal-edukaturi, kif ukoll tas-sistema edukattiva. L-istudju, intitolat ‘European Quality of Life Survey’, sar madwar l-Unjoni Ewropea u jistaqsi diversi mistoqsijiet fuq medda ta’ temi differenti.
Fil-qasam edukattiv, pajjiżna huwa kklassifikat b’mod pożittiv ħafna, speċjalment fir-rigward tal-kwalità tal-edukaturi u tal-faċilitajiet. Pożittivi wkoll huma l-marki fuq faċilitajiet u kurrikulu.
Pajjiżna jinsab ‘il fuq mill-medja Ewropea f’diversi eżerċizzji ta’ stħarrig fil-qasam tal-edukazzjoni, f’ħafna minnhom fost l-aqwa ħamsa.
Childcare l-aqwa fl-Ewropa
Is-sistema ta’ childcare b’xejn introdotta taħt dan il-Gvern ħalliet il-frott hekk kif din is-sistema ġiet ikklassifikata fost l-aqwa fl-Ewropa. Kemm fil-każ ta’ aċċessibilità, kif ukoll fil-kwalità, pajjiżna kklassifika tajjeb ħafna mal-bqija tal-Ewropa.
Sigurtà ta’ xogħol
Is-sigurtà tal-impjieg u l-prospetti tax-xogħol huma wkoll fost l-iktar punti pożittivi li ħarġu minn dan l-istudju fir-rigward ta’ pajjiżna. Dan juri kif pajjiżna llum jiggarantixxi x-xogħol u kif l-ekonomija qiegħda dejjem toħloq iżjed impjiegi ta’ kwalità.
F’kumment fuq dan l-istudju, il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo qal li “dan huwa stħarrig li jagħti stampa pożittiva, speċjalment fil-qasam tax-xogħol li jagħmlu l-għalliema u l-edukaturi tagħna fl-iskejjel. Ma jfissirx li m’hemmx iżjed sfidi u m’hemmx x’jitjieb. Irridu nkomplu naħdmu biex inwessgħu l-aċċessibilità ta’ tagħlim vokazzjonali u applikat għat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna.”
Ara: http://newsbreak.edu.mt/2018/02/06/kif-tikkompara-malta-fl-edukazzjoni-x-xoghol-u-c-childcare/