Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar, ħabbar li fit-tliet snin li ġejjin se tkun qed tintefaq is-somma ta’ €40 miljun biex is-Servizz Pubbliku jagħmel investiment qawwi fit-teknoloġija. L-għan ewlieni ta’ dan l-investiment huwa li jitneħħew is-silos fis-Servizz Pubbliku billi d-databases tal-Ministeri ma jibqgħux iżolati u jkun hemm trasferiment aktar faċli ta’ informazzjoni bejn id-dipartimenti.
Is-Sur Cutajar qal li tradizzjonalment is-Servizz Pubbliku jaħdem b’sistema ta’ silos, fejn kull dipartiment jaħdem maqtugħ mill-bqija. Dan l-iżolament ixekkel is-servizz u huwa għalhekk li qed isir investiment ta’ €40 miljun fit-teknoloġija, qal is-Sur Cutajar filwaqt li semma kif nofs din is-somma se tkun ġejja minn fondi tal-Unjoni Ewropea.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni saħaq li s-Servizz Pubbliku jagħraf li t-teknoloġija hija l-bażi tal-ġejjieni. Kien għalhekk li f’dawn l-aħħar snin ħa diversi inizjattivi f’din id-direzzjoni, fosthom il-ħolqien ta’ one-stop-shop online fejn wieħed isib is-servizzi governattivi u l-formoli relatati miġburin f’post wieħed, kif ukoll it-tnedija ta’ mobile apps biex wieħed jaċċessa s-servizzi governattivi mill-mobile 24 siegħa kuljum minn kwalunkwe post.
Dan, qal is-Sur Cutajar, huwa l-frott tat-tiġdid li għaddej kontinwament fis-Servizz Pubbliku u li qed jissarraf f’servizz ta’ kwalità li jantiċipa l-ħtiġijiet tal-klijenti u jissodisfahom bl-aħjar mod possibbli. Il-kwalità tintlaħaq billi kull min jaħdem fis-Servizz Pubbliku jkun jaf b’mod preċiż fejn irid jasal. Jekk ma jkunx hemm mira eżatta li trid tintlaħaq, wieħed ma jistax jasal fid-destinazzjoni mixtieqa.
Dan huwa appuntu l-għan tal-Key Performance Indicators li ġew introdotti fis-Servizz Pubbliku, kif ukoll l-għan ta’ seminars bħal dawn li se jinfirxu fost il-Ministeri kollha biex l-istrateġija tal-amministrazzjoni pubblika tkun magħrufa minn kulħadd u taħdem b’mod ħolistiku. Li ngħidu eżatt fejn irridu naslu huwa wkoll forma ta’ kontabilità, l-istess kif hi forma ta’ kontabilità l-pubblikazzjoni ta’ dokumenti kull sena li juru dak li l-amministrazzjoni pubblika rnexxielha twettaq u dak li għadha ma rnexxilhiex tasal għalih, qal is-Sur Cutajar.
Fl-aħħar nett il-Ministru Evarist Bartolo għalaq billi qal li l-għan tal-Gvern huwa li l-edukazzjoni tkun aċċessibbli għal kulħadd irrispettivament minn fejn ġej u s-sitwazzjoni finanzjarja li l-istudent/a jinsab fiha. Dan għaliex l-edukazzjoni mhijiex biss iċ-ċavetta għall-istudenti sabiex jimxu ’l quddiem fis-soċjetà iżda hija parti essenzjali mill-progress ta’ pajjiżna biex ikompli miexi ’l quddiem.