Bil-għan li persuni b’diżabilità jivvjaġġaw b’mod iktar faċli bejn pajjiż u ieħor tal-Unjoni Ewropea, l-istess Unjoni ħolqot dik li qed tissejjaħ EU Disability Card. Dan fi proġett pilota li fuq quddiem nett tiegħu hemm Malta bis-sehem tas-CPRD. Il-gazzetta Kullħadd tkellmet maċ-Ċermen tas-CPRD, Oliver Scicluna, li spjega l-għan ta’ din il-kard u wieġeb mistoqsijiet pertinenti fosthom jekk kard bħal din hijiex se sservi biex tinħoloq iktar diskriminazzjoni. Għal din il-kard diġà applikaw iktar minn 3,000 persuna Maltija.
Dan l-aħħar bdejna naraw reklami biex wieħed japplika għall-EU Disability Card. Din min ħoloqha u kemm ilha teżisti?
Din il-kard inħolqot wara ħidma konġunta bejn tmien pajjiżi Ewropej (Malta, il-Belġju, Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, l-Italja, is-Slovenja u r-Rumanija). Il-pajjiżi, fil-każ tagħna rappreżentat mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità qablu li biex dan il-proġett isir kellu bżonn ikun iffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea.
Għalhekk il-proġett kien xprunat minn dawn il-pajjiżi inkluż Malta u din il-kard bdiet toħroġ lejn l-aħħar ta’ Settembru 2017.
Jiġifieri ma teżistix f’kull pajjiż tal-Unjoni Ewropea?
Kif għidt qabel din il-kard bdiet mit-tmien pajjiżi msemmija qabel. L-għan huwa li nħeġġu l-pajjiżi l-oħra jingħaqdu magħna biex fl-Ewropa jkollna kard komuni li tista’ tkun ta’ benefiċju għall-mobilità ta’ persuni b’diżabilità fil-pajjiżi Ewropej.
Malta kif spiċċat wieħed mill-ewwel pajjiżi li qegħdin jieħu sehem?
Malta kienet waħda mill-aktar pajjiżi attivi f’working group li kien jiltaqa’ ġewwa Brussell tliet darbiet fis-sena għal tliet snin sħaħ, bir-rappreżentanza tal-Kummissjoni.
Jiġifieri kien hemm proġett Malti li kkonvinċa biex aħna membri tiegħu?
Il-kontribut ta’ pajjiżna f’dan il-proġett kien mingħajr dubju importanti mhux biss għax aħna pajjiż żgħir u meqjusin bħala pajjiż li għandna diversi liġijiet u policies fil-prattika biex jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità, iżda wkoll għax mill-konsultazzjonijiet li għamilna kemm ma’ għaqdiet Maltin kif ukoll ma’ oħrajn f’pajjiżi Ewropej analizzajna li din ilkard kienet mixtieq minn bosta persuni b’diżabilità.
X’inhuma l-benefiċċji ta’ din il-kard?
Hemm diversi benefiċċji li jvarjaw minn pajjiż għall-ieħor. Kull pajjiż ser ikollu sit elettroniku apposta li juri l-benefiċċji kif ukoll iħeġġeġ entrapriżi u entitajiet Governattivi biex jissieħbu f’din l-iskema li toffri diversi benefiċċji lill-persuni b’diżabilità. Il-benefiċċji mistennija jibqgħu jiżdiedu. Aktar informazzjoni tista tinkiseb missit http://www.eudisabilitycard.org.mt
Ma tħossx li kard bħal din tista’ tidher qed toħloq iktar firda u diskriminazzjoni?
Tista’ tittieħed hekk, però din ilkard inħolqot wara studju li sar f’diversi pajjiżi Ewropej u jidher biċ-ċar li l-maġġoranza assoluta tal-persuni b’diżabilità fl-Ewropa kienu jixtiequ din it-tip ta’ kard. Naħseb għandha tidħol aktar il-mentalità li d-diżabilità mhix tabella li għandna nistħu minnha, ma għandniex niddejqu nuru li aħna persuni b’diżabilità. Fl-aħħar mil-aħħar is-soċjeta għandha tadatta għall-bżonnijiet diversi tagħna filwaqt li aħna ma nżommux lura u nkunu attivi fis-soċjetà.
Iżda, qisek qed tgħid li meta jsiefru l-persuni b’diżabilità għandhom ħtiġijiet differenti li wieħed mhux qed jilqa’ għalihom?
Iva, fil-fatt minn diversi rapporti li nirċievu, kemm minn turisti li jiġu Malta kif ukoll minn Maltin li jsiefru f’diversi pajjiżi Ewropej, għal diversi raġunijiet għadhom isibu diversi ostakli fosthom ta’ trasport mhux aċċessibbli f’diversi pajjiżi Ewropej, infrastruttura mhux aċċessibbli, nuqqas ta’ informazzjoni għal min għandu diżabilità intellettwali u anke diżabilitajiet sensorjali.
Tħares ’il quddiem li dan ikun proġett mal-UE kollha?
Dik hija l-mira kemm tagħna kif ukoll tal-pajjiżi sħabna Ewropej li din il-kard issir komuni filpajjiżi kollha. Hekk tgħin ħafna l-mobilità tal-persuni b’diżabilità fil-pajjizi Ewropej kollha. Aħna nixtiequ li nnaqqsu l-barrieri eżistenti, u xi kultant ikunu affarijiet sempliċi li jgħinuna nagħmlu dan. Tajjeb insemmi wkoll li din il-kard ser tkun qed tgħin biex jinkiseb aktar suċċess fl-implimentazzjoni tal-konvenzjoni għad-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità.
X’taħseb li huma l-elementi biex dan il-proġett ikun suċċess?
Is-suċċess ta’ din il-kard jiġi determinat minn kemm ser inkomplu naġġornaw il-benefiċċji intitolati bl-istess card. Din hija xi ħaġa li mingħajr dubju ser inkomplu nagħmlu fix-xhur li ġejjin. Aħna nittamaw ukoll li tgħin fil-ġbir tal-istatistika fejn jidħlu bżonnijiet differenti tal-persuni b’diżabilità li mingħajr dubju tagħti stampa aktar ċara lil pajjiżna biex jiġu indirizzati ċertu policies u leġiżlazzjonijiet.