Il-maġġoranza tad-deputati tal-Partit Nazzjonalista rrifjutaw id-dekasteru li ried jassenjalhom Adrian Delia fix-shadow cabinet il-ġdid li ħabbar ilbieraħ. Dan wassal għal sigħat ta’ taħditiet, bid-deċiżjoni aħħarija titħabbar tard waranofsinhar minflok sal-10 ta’ filgħodu kif kien maħsub oriġinarjament.
Fil-fatt baqgħet ma saret qatt konferenza tal-aħbarijiet li kienet maħsuba li ssir ilbieraħ filgħodu. Saħansitra, tant kien hemm oppożizzjoni li f ’ħin minnhom ittieħdet id-deċiżjoni strateġika li tittella’ aħbar fuq is-sit elettroniku ta’ Net News li r-reshuffle se titħabbar hemm. Din id-deċiżjoni ttieħdet bil-għan li jintbagħat il-messaġġ lill-grupp parlamentari li l-bidla kienet se ssir xorta waħda anke jekk jibqgħu ma jaċċettawx id-dekasteri offruti lilhom. Dan wassal biex kien hemm min qal li kien jippreferi ma jieħu xejn, u Delia prova jinnegozja tal-aħħar għax qalulu li jekk ikun hemm min ma jaċċetta xejn jidher ikrah.
Fl-aħħar ġimgħat Adrian Delia kien qed ikun ikkritikat għall-fatt li ma ħatarx ix-shadow cabinet tiegħu. Intqal li dan kien sinjal ieħor ta’ dgħufija u biex jiddefendi ruħu meta mistoqsi mill-ġurnalisti qal li ma kienx hemm għaġla jibdel għax il-grupp parlamentari kien qed jaħdem tajjeb. Iżda, konxju li l-bidla kellha ssir xi ħin jew ieħor il-Ġimgħa beda jċempel lid-deputati biex jinfurmahom biha. L-ewwel sinjali wrew li kien se jkun hemm konfużjoni u għalhekk ittieħdet id-deċiżjoni li d-deputati jibdew jissejħu d-Dar Ċentrali.
Fil-fatt dawn bdew jissejħu d-Dar Ċentrali tard il-Ġimgħa filgħaxija f ’ħinijiet mhux normali għal-laqgħat ta’ dan it-tip. Iżda, anke meta l-lejl kien daħal sew Delia kien għad m’għandux grupp magħqud. Sa dak il-ħin one.com.mt kienet diġà żvelat l-aħbar li Delia kien se jaħtar shadow cabinet ġdid, u mezzi elettroniċi oħra segwew tant li bdew ħerġin l-ewwel ismijiet bħallfatt li sa dak il-ħin kien maħ- sub li l-Eks Viċi Kap Beppe Fenech Adami jieħu l-Enerġija taħt idejh.
Kien tard waranofsinhar li Adrian Delia ħabbar ix-shadow cabinet tiegħu. Il-lista finali wriet li kien hemm min ma ċediex, filwaqt li kien hemm min innegozja xi ħaġa aħjar. Tul dawn in-negozjati Adrian Delia kien akkumpanjat mis-Segretarju Ġenerali Clyde Puli li għalih ħa d-dekasteru importanti tal-Edukazzjoni mingħand Therese Comodini Cachia, li hi fost l-iktar urtati bid-deċiżjoni tal-kap. Kien hemm mumenti fejn bdiet tgħid li mhi se tieħu xejn, iżda mbagħad ta’ madwarha tawha l-parir li ma jkunx għaqli għaliha u ħadet l-inkarigu ta’ kelliem dwar il-Media, il-Kultura u l-Identità Nazzjonali.
Beppe Fenech Adami wera li għad għandu saħħa li Comodini Cachia m’għandhiex meta għamilha ċara li mhux aċċettabbli għalih l-offerta li jkun kelliem għall-Enerġija. Fil-fatt, insista li jibqa’ kelliem għall-Intern anke jekk dan kien qasam lest għal David Agius. Wara negozjati twal tul il-jum tas-Sibt, Agius u Delia ċedew u Fenech Adami żamm id-dekasteru li kellu. Id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi ġie offrut sabiex minn kelliem għall-Ġustizzja jkun kelliem għall-Kultura u l-Kunsilli Lokali. Offerta li xejn ma niżlitlu tajjeb biex eventwalment innegozja li jieħu l-Ambjent bl-unika raġuni li kkonvinċietu ma jibqax jiġġieled għall-Ġustizzja hemm il-fatt li finalment ittieħdet mill-kap.
Għalkemm lanqas din ma kienet l-ewwel għażla. Għax Adrian Delia ried li l-ġustizzja jeħodha Chris Said, li kkontesta għallkap u Marthese Portelli tieħu Għawdex. Iżda, Chris Said qallu li ma kienx hemm ċans li jċedi Għawdex u malajr Delia reġa’ qaleb kollox biex Marthese Portelli inħatret kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Proġetti Kapitali, l-Ippjanar u s-Suq tal-Proprjetà. Ħa promozzjoni Toni Bezzina li appoġġja lil Delia fit-tieni fażi fit-tellieqa għall-kap u kkontesta lil Robert Arrigo fit-tellieqa għall-viċi kap.
Filwaqt li żamm dekasteru importanti Stephen Spiteri, li Adrian Delia ħallieh kelliem għas-Saħħa anke jekk bħalissa jinsab investigat fuq ħruġ ta’ ċertifikati foloz bħala tabib. Bħal Therese Comodini Cachia, Ryan Callus jidher li ma rnexxilux jinnegozja xi ħaġa aħjar issa li nħatar kelliem tal-Oppożizzjoni dwar iż- Żgħażagħ, l-Isport u l-ġlieda kontra l-Obeżità. Callus kien fost dawk li opponew il-preżenza tal-Partit Nazzjonalista fl-inawgurazzjoni ta’ Café Premier u jidher li din hi tpattija ċara għalhekk. Intant, lil Claudette Buttigieg ried ineħħiha minn deputat Speaker biex jagħmel lil Frederick Azzopardi. Din qaltlu li l-ħatra tagħha hi approvata mill-Parlament u jekk irid ineħħiha, irid iressaqha għall-vot parlamentari.
Hawn Delia kellu jċedi hekk kif deher ċar li wara li iktar kmieni din il-ġimgħa Buttigieg tilfet l-impjieg mid-Dar Ċentrali ma kinetx se ċċedi din ukoll. Simon Busuttil, l-Eks Kap tal-Oppożizzjoni, inħatar kelliem għall-Good Governance. Dan hu dekasteru li s-soltu kienu jitkellmu dwaru diversi deputati u Delia għandu f ’moħħu li jneħħih jekk kemm-il darba Simon Busuttil joħroġ għal MEP u jkun elett