Il-Qorti Amerikana ordnat lil Johnny Depp biex ma jersaqx lejn martu, Amber Heard, wara li allegatament sawwatha.
Heard qalet li Depp waddbilha l-mowbajl fi ġliedha li kellhom is-Sibt li għadda. It-Tnejn li għadda fetħet kawża ta’ divorzju wara 15-il xahar ta’ żwieġ. Il-mara resqet ritratt ta’ wiċċha mbenġel quddiem il-Qorti Superjuri ta’ Los Angeles.
Taħt ġurament hija stqarret li tinsab imbeżża’ li l-eksraġel tagħhha jirritorna d-dar u jitterrorizzaha fiżikament u emozzjonalment.
Hija qalet li meta seħħ l-inċident, Depp kien taħt l-effett tad-droga u l-alkoħol, ġibdilha xagħarha, għajjat magħha, ġibidha u taha fuq wiċċha.
Il-Qorti ordnat biex iż-żewġ partijiet ma jiltaqgħux. Depp, 52, u Heard, 30, iltaqgħu fl-2011 waqt il-ġbid tal-film The Rum Diary. Il-koppja ma kellhiex tfal.
Ritratt ta’ fuq: REUTERS