Kollox jinsab lest biex illejla jittella’ l-Malta Eurovision Song Contest 2018. Sittax-il kanzunetta qed jikkompetu biex waħda minnhom tirbaħ id-dritt li tirrapreżenta lil pajjiżna f’Lisbona, fil-Portugall.
Il-ġurija, li sa issa l-ismijiet tagħhom baqgħu mhux magħrufa sabiex bl-ebda mod ma jiġi influwenzat ir-riżultat se jkollhom 50% tar-riżultat filwaqt li l-pubbliku se jkollu n-nofs l-ieħor biex jagħżel lil min irid f’Mejju li ġej imur għal Eurovision.Sadanittant ilbieraħ filgħaxija kien hemm l-aħħar prova ġenerali fejn il-parteċipanti kienu anki lebsin bil-ħwejjeġ li se narawhom bihom illejla. Il-parteċipanti kollha taw wirja tajba fuq il-palk u l-ġurnalisti miġbura f’Ta’ Qali setgħu jaraw min qed jispikka l-aktar. Bla dubju t-taqtiegħa mistennija tkun waħda missielta b’żewġ kantanti qed jissemmew ferm aktar mill-oħrajn biex illejla jgħollu t-trofew u jirbħu l-biljett għal-Lisbona.
Kif wieħed jistenna, il-crew tekniku tal-istazzjon nazzjonali kellu wkoll prova ġenerali eċċellenti hekk kif din il-produzzjoni tinvolvi xogħol kbir biex kollox joħroġ sew waqt it-trasmissjoni tal-lejla.
Illejla aktar minn 4,400 persuna mistennija jkunu parti mill-udjenza fl-MFCC Ta’ Qali, filwaqt li eluf oħra se jkunu qed isegwu dan il-festival tant prestiġjuż minn ġewwa djarhom.
Dan is-sit se jżommkom aġġornat bl-aħħar żviluppi minn Ta’ Qali.