L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) mhijiex konsistenti fl-argumenti tagħha, hekk kif wara xhur tisħaq li ma tridx lil Vitals Global Healthcare tmexxi tliet sptarijiet Maltin minħabba li skont huma m’għandhom l-ebda esperjenza medika, issa ma tridx li dawn l-isptarijiet ikunu taħt it-tmexxija ta’ Steward Healthcare, kumpanija Amerikana b’esperjenza twila fil-qasam tas-saħħa.
Il-MAM fil-fatt qed titlob li ma jseħħx it-trasferiment għal għand Steward u allura jibqgħu jmexxu l-VGH.
Waqt taħditiet li saru llum, il-Gvern Malti offra lill-MAM biex jaraw il-kuntratti kollha u sħaħ li ġew iffirmati bejn il-VGH u l-Gvern Malti. Is-Segretarju Ġenerali tal-MAM, Martin Balzan, ma aċċettax din l-istedina. Għaldaqstant, il-MAM mhijiex qed tkun konsistenti lanqas dwar il-punt tat-trasparenza.
Wara dawn it-taħditiet u għalkemm il-Gvern offra lill-MAM jaraw il-kuntratt, il-MAM iddeċidiet li tibqa’ għaddejja bit-tilwima industrijali.
Għaldaqstant il-Gvern se jkun qed jirriserva d-dritt li jieħu l-passi legali neċessarji fl-interess tal-pazjenti Maltin u Għawdxin li se jkunu milquta minn dawn l-azzjonijiet.