Wara kważi 50 sena minn meta ħareġ għall-ewwel darba r-rumanz magħruf ta’ Nicholas Monsarrat fl-1973, “The Kappillan of Malta”, issa se jiġi ppubblikat għall-ewwel darba bil-Malti.
It-traduzzjoni saret minn Wistin Born, l-awtur magħruf ta’ Is-Salib tal-Fidda, inqas minn sena wara li kien ħareġ il-ktieb.
Il-manuskritt oriġinali bit-traduzzjoni ta’ Wistin Born kienet ilha mal-50 sena maqfula u minsija f’arkivju privat. Issa, għall-ewwel darba, it-traduzzjoni se tiġi maħruġa għall-pubbliku sħiħa u f’edizzjoni riċerkata.
Ir-rumanz huwa storja mill-isbaħ ta’ mħabba qalbiena fl-agħar żmien ta’ Malta u Għawdex matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Huwa wkoll messaġġ qawwi biex ebda bniedem ma jaqta’ qalbu miċ-ċirkustanzi iebsa ta’ ħajtu.
Il-Kappillan ta’ Malta se jkun editjat minn Mark Montebello u ppubblikat mid-dar editorjali SKS.