Għat-tieni darba, l-Ewroparlamenti Maltija Marlene Mizzi ġiet innominata għall-Premju tal-Membru tal-Parlament Ewropew tas-Sena għal ħidmietha fil-kwistjonijiet tas-suq intern u l-protezzjoni tal-konsumatur.
Is-sena l-oħra, Mizzi kienet nominata għall-ħidma tagħha fuq kwistjonijiet tal-benessere tal-annimali.
Marlene Mizzi hija l-unika MPE Maltija li ġiet innominata għall-Premji tal-MPE 2018. Iż-żewġ Membri tal-PE li ġew innominati fil-kategorija tagħha huma mir-Renju Unit u r-Rumanija.
“Ninsab onorata li ntgħażilt f’lista qasira b’din in-nominazzjoni, li hija unur mhux biss għalija imma anke għal Malta. L-akbar sodisfazzjon tiegħi huwa li xogħli bħala MPE jħalli impatt reali fuq ħajjet in-nies u li l-vuċi tal-konsumaturi, taċ-ċittadini, u tal-kumpaniji mikro u żgħar tinstema’ fl-ispettru Ewropew u l-Parlament Ewropew. Li ġejt innominata minn fost 751 MPE huwa sinjal politiku li jurini li ħidmieti mhix qiegħda tgħaddi inosservata, u għaldaqstant tkompli timmotivani aktar biex inkompli naħdem b’aktar enerġija u entużjażmu fl-istess direzzjoni,” qalet l-MPE Mizzi.
Il-premju jiġbor flimkien il-Membri tal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni u l-komunità ta’ stakeholders tal-Unjoni Ewropea biex jiġu rrikonoxxuti l-ħidma u l-kisbiet tal-Membri tal-Parlament Ewropew fuq medda ta’ oqsma ta’ politika.
Ir-riżultati tal-vot jitħabbru fil-21 ta’ Marzu.