L-atleta ta’ 26 sena Elise Pellegrin se tirrappreżenta lil Malta fl-Olimpjadi tax- Xitwa li se jsiru bejn id-9 u l-25 ta’Frar f’ Pyeongchang, il-Korea. Hija se tkun qed tikkompeti fid-dixxiplina tal-Alpine Skiing, fil-kategoriji Slalom u Giant Slalom.
Din se tkun it-tieni dehra ta’ Pellegrin fl-Olimpjadi tax-Xitwa, wara li rrappreżentat lil Malta f’Sochi fl-2014.
Biex tikkwalifika għall-Olimpjadi f’Pyeongchang, Pellegrin ikkompetiet f’numru ta’kompetizzjonijiet tal-FIS li saru fl-Arġentina, l-Italja, Franza u l-Istati Uniti.
F’Pyeongchang, Pellegrin se tikkompeti fil-Giant Slalom u is-Slalom. Il-kompetizzjonijiet se jsiru fiċ-Ċentru Alpin Yongpyong fit-12 u l-14 ta’ Frar. Matul il-Kompetizzjoni Pellegrin se jkun taħt il-gwida tal-kowċ tagħha Marvin Hocquaux.
Il-President tal-Kumitat Olimpiku Malti, Julian Pace Bonello, qal li huwa unur li l-bandiera Maltija se tkun fost dawk li ser jkunu qedin jittajru f’ Pyeongchang, u huwa ta’ soddisfazzjon li naraw li l-appoġġ mogħti lil dawn l-atleti, grazzi għal-iskema tal-Olympic Solidarity Scholarship, qed tħalli l-frott.
Pellegrin se tkun qed iġġorr il-bandiera Maltija fiċ-ċerimonja tal-ftuħ li se ssir nhar il-Ġimgħa 9 ta’ Frar f’nofshinar, ħin lokali. Il-kontinġent Malti se jkun magħmul mill-President tal-Kumitat Olimpiku Malti, is-Sur Julian Pace Bonello u is-Segretarju Ġenerali s-Sur Joseph Cassar bħala mistednin tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali, filwaqt li Dr Lucienne Attard ġiet maħtura bħala Chef de Mission.