Żewġt irġiel mis-Sudan residenti Għawdex ġew ikkundannati disa’ xhur ħabs kull wieħed wara li nstabu ħatja li darbu lil xulxin b’mod gravi waqt ġlieda bil-fliexken li seħħet f’Settembru ta’ sentejn ilu fir-Rabat, Għawdex. Il-ġlieda nqalgħet dwar mobile phone.
Mohammed Abdalla Mohamed ta’ erbgħa u tletin sena u Fatah Mohamud Hassan ta’ 32 sena, it-tnejn residenti Għawdex, ġew mixlija fost oħrajn li weġġgħu lil xulxin b’mod gravi u li kisru l-paċi pubblika.
Il-każ imur lura għal Settembru tal-2016 meta għall-ħabta tad-disa’ ta’ billejl, Abdalla Mohamed daħal fl-Għassa tal-Pulizija tar-Rabat u qal li kellu argument qrib Villa Rundle. Fil-pront daħal Fatah Mohamud Hassan fejn dan kellu ħafna demm ma’ wiċċu. It-tnejn ittieħdu l-isptar għall-kura. Jidher li l-argument inqala’ dwar mobile phone u ġġieldu b’xi fliexken.
Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud qieset il-fatt li r-reati li huma ta’ natura gravissima li seta’ kellhom konsegwenzi ferm aktar gravi minn dik li kellhom .
Il-Qorti sostniet li din it-tip ta’ vjolenza m’għandha qatt tkun fl-ebda ħin u fl-ebda mument aċċettata u kien għalhekk li kkundanata sentenza effettiva ta’ ħabs.