Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis irrappreżenta lill-Gvern Malti waqt il-konferenza finali tal-proġett ASDEU (Autism Spectrum Disorders in Europe) f’Madrid fejn bir-Raba’ Pakkett ta’ Ħidma f’dan il-proġett, permezz tiegħu saret riċerka u kumpilazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-politika nazzjonali tas-saħħa u tal-aspett soċjali fir-rigward tal-awtiżmu.
Agius Decelis tkellem dwar il-mod li bih il-Gvern Malti jrid jitratta s-suġġett tal-awtiżmu u kif din il-perspettiva qed titpoġġa f’kuntest iktar wiesgħa tax-xenarju Ewropew u tal-proviżjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem li jinsabu fil-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità tal-Ġnus Magħquda li Malta rratifikat fl-2006. Insista li l-identifikazzjoni u l-interventi bikrin huma ta’ importanza kbira biex jiġi indirizzat l-element ta’ impairment fl-awtiżmu u biex jiġi assigurat li persuni fil-firxa wiesgħa ta’ awtiżmu u l-familji tagħhom jingħataw l-aħjar bidu possibbli fil-ħajja. Enfasizza l-punt li l-ostakli maħluqa mis-soċjetà, ma jistgħux jiġu injorati.
Dan jista’ jsir biss permezz ta’ sistema li tkun koordinata; l-ewwel fuq livell domestiku, fejn il-Kunsill Konsultattiv dwar l-Awtiżmu jista’ jservi bħala mudell għal pajjiżi oħrajn billi jġib madwar l-istess mejda rappreżentanti tal-entitajiet li jaħdmu fil-qasam tal-awtiżmu, flimkien ma’ persuni fil-firxa wiesgħa ta’ awtiżmu u l-familji tagħhom, imma wkoll fuq livell Ewropew permezz ta’ koperazzjoni aktar fil-fond bejn numru ta’ pajjiżi, permezz ta’ proġetti bħall-ASDEU u permezz ta’ koperazzjoni aktar formali fil-forma ta’ strateġija Ewropea dwar l-awtiżmu kif promossa mill-Membru Malti tal-Parlament Ewropew Miriam Dalli li indirizzat din il-konferenza mill-Istati Uniti permezz ta’ video.
Is-Segretarju Parlamentari saħaq dwar l-importanza li toħloq għarfien li jwassal biex dawn il-persuni u l-familji tagħhom jiġu aċċettati, trawwem l-inklużjoni u finalment twassal għal empowerment. Id-direttur tal-konferenza rringrazzja lil Malta għall-isforzi tagħha f’dan is-settur u tal-impenn tagħha biex bagħtet delegazzjoni għal din il-konferenza.