Minn kull ma ħlomt f’żgħożiti,
infittex kollox baħħ,
Il-qalb xiħa w għajjiena
Ma tafx tgħid ħlief “aħħ”.
Li ħlomt kien kollu ħolma,
Li għext kien ħajja biss.
Aħ kieku t-tnejn ingħaqdu,
Il-qamar kont immiss.
Issa qasira l-ħajja,
U l-ħolm duħħan itir……..
Kos hux, iż-żmien itir u ma jistenna lil ħadd. Fil-mument ma nirrealizzawx għax nirsistu għall-aħjar, kultant bi sfida ma’ xulxin u f’tellieqa waħda qisu qatt mhu se mmutu. U mn’alla nħarsu ‘l quddiem għax kieku wieħed joqgħod jaħseb, tispiċċa titlef il-konċentrazzjoni tal-ħajja. Jibqgu biss il-memorji, il-kitbiet bħal din il-poeżija ta’ Rużar Briffa, il-plakek mal-ħitan u monumenti u niċeċ bħal din li tidher fir-ritratt.
Din in-niċċa ħelwa bi plakka għall-iskrizzjoni taħtha, tinsab wara t-Torri Cumbo, fi Triq it-Torri kantuniera ma’ Triq id-Durumblat fil-Mosta. ir-ritratt huwa ta’ Mark Anthony Bugeja.