“Illum ġurnata li lkoll kemm aħna se ngħidu li konna hawnhekk. Grazzi talli qed turu lil min huwa xettiku li hemm interess qawwi miż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin li mis-sena d-dieħla jkunu jistgħu jieħdu sehem f’kull elezzjoni.”
Hekk qal il-Prim Ministru Joseph Muscat meta indirizza numru ta’ żgħażagħ li kienu barra l-Parlament fil-Belt Valletta hekk kif illum qed jitqies bħala jum storiku ieħor fejn illejla l-Parlament se jiġi diskuss l-abbozz ta’ liġi li se jemenda l-eta’ minima tad-dritt tal-vot li se tinżel għal 16-il sena.
Is-Segretarju Parlamentari qalet kif dan hu pass storiku u kif il-viżjoni tal-Prim Minsitru li kellu snin ilu issa qed titwettaq. Irringrazzjat liż-żgħażagħ talli huma preżenti għal dan il-mument li se jitniżżel fl-istorja tal-pajjiż.
Intant il-Forum Żgħażagħ Laburisti kkummentaw kif ilhom snin sħaħ jantiċipaw għal dan il-mument li ħadmu tant għalih sabiex il-vuċi taż-żgħażagħ tkun preżenti fid-deċiżjonijiet li se jkunu qed jaffetwawhom.
Malta se tkun fost l-ewwel għaxar pajjiżi fid-dinja li jagħmel pass kuraġġjuż. Pass li se jkun qed jagħti l-opportunità’ lil żgħażagħ minn 16-il sena ‘l fuq biex isemmgħu leħinhom u jivvutaw fl-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew u kif ukoll fl-Elezzjoni Ġenerali.