F’sala ppakkjata fiċ-Ċentru Ċiviku tal-Mosta, b’ton ta’ kburija, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat tenna s-sodisfazzjon tiegħu li jmexxi Gvern li jieħu d-deċiżjonijiet.
“Deċiżjonijiet li wħud minnhom jintogħġbu u oħrajn le, imma tal-inqas tafu li hawn Gvern li jiddeċiedi u qatt ma jibqa’ wieqaf”, qal Joseph Muscat.
Filwaqt li elenka lista ma tintemm qatt ta’ proġetti li qed isiru, il-Mexxej Laburista nnota x-xogħol ta’ kuljum li jsir mill-Gvern immexxi minnu. Xogħol li fi kliemu jixhed id-dinamiżmu kbir ta’ dan il-Gvern, li b’entużjażmu qed jiżdied ma’ kull ġurnata. Il-Prim Ministru tkellem dwar l-investiment bla preċedent li qed isir f’pajjiżna, u saħaq li f’ekonomija globalizzata ma jeżistix argument li wieħed jieqaf iġib l-investiment.
Bi kburija qal li d-differenza bejn dan il-Gvern u bejn min kien imexxi l-pajjiż qabel hija li Gvern Laburista daħal għat-tiġrija mhux biss biex jieħu sehem, imma biex jirbaħha.
Tkellem dwar il-programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment u kif il-maġġoranza tal-flus miksuba minnu, skont il-liġi, qed jiġu investiti biex joħolqu flus oħra u biex jintefqu għal proġetti futuri.
B’viżjoni qal li dal-Gvern ma jaspirax biss li jieħu l-flus mill-Ewropa, imma bi pjan dan il-Gvern qed iġib flus mill-programm taċ-Ċittadinanza li minnu l-pajjiż ikompli jiżviluppa.
Il-Prim Ministru qal li dal-pajjiż irid ikun b’saħħtu u sinjur daqs pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea biex ma jħarsux lejna biex jgħinuna niżviluppaw iżda jħarsu lejna biex ngħinu lil ħaddieħor jiżviluppa.