Erba’ persuni qed isofru minn ġrieħi gravi wara li kmieni dalgħodu kienu involuti f’inċident tat-traffiku bejn tliet vetturi f’Burmarrad. Kienu tmien persuni li ttieħdu l-isptar fejn fosthom kien hemm tifel ta’ ħames snin li ndarab ħafif.
L-inċident seħħ għall-ħabta tat-8:25 fi Triq Burmarrad bejn tliet vetturi fejn żewġ vetturi ġarrbu ħsarat estensivi tant li ssejħu membri mid-Dipartiment Ċivili biex jassistu. Dan hekk kif kawża tal-ħsarat li ġarrbu l-vetturi, kien hemm żewġ persuni li spiċċaw maqbuda fil-vetturi fejn kellhom jiġu assistiti biex jinħarġu.
Il-vetturi involuti huma Peugeot 306 misjuqa minn raġel ta’ 39 sena residenti Ħad-Dingli, vettura tat-tip Toyota Starlet misjuqa minn raġel ta’ 27 sena residenti l-Mosta u li miegħu kien hemm passiġġiera tfajla ta’ 24 sena, tfajla ta’ 26 sena u ġuvni ta’ 26 sena kollha residenti l-Mosta u vettura tat-tip Toyota Corolla misjuqa minn raġel ta’ 24 sena u li miegħu kien hemm passiġġier tifel ta’ ħames snin – biż-żewġ vetturi tal-aħħar jaħbtu head-on.
Fuq ix-xena kien hemm żraben u hwejjeg tal-vittmi fejn bl-impatt il-magna ta’ waħda mill-vetturi spiċċat f’nofs ta’ triq.
Fuq il-post issejħu madwar tliet ambulanza bit-tim mediku mmexxi minn Dr Michael Spiteri u Dr Jonathan Joslinwara wara li tmien’ persuni kellhom jittieħdu l-isptar Mater Dei biex jirċievu l-kura meħtieġa.
Sewwieqa huma mwissija jsibu rotta alternattiva hekk kif kawża ta’ dan l-inċident mistenni li jinħoloq konġestjoni tat-traffiku.