Mhux se jkun qed isir funeral għat-tabiba tant maħbuba fir-Rabat Dr. Tania van Avendok li mietet fl-età ta’ 53 sena.
Is-sens t’altruiżmu jkompli wara mewtha fejn hi nnifisha ħalliet li l-ġisem tagħha jintuża għal studju u riċerka fl-Università ta’ Malta mit-tobba futuri. Dan il-fatt jiswa mitqlu deheb għal dawk li jkunu qed jagħmlu riċerka fil-qasam mediku.
It-tabiba Van Avendok mardet b’kanċer fil-frixa; madanakollu kompliet timxi jum b’jum tul it-3 snin li fiha sofriet b’din il-marda qerrieda.
Il-kanċer fil-frixa huwa marda li fiha ċ-ċelloli kanċerużi jiffurmaw fit-tessuti tal-frixa. Il-frixa hija glandola li tinsab wara l-istonku, eżatt quddiem l-ispina.
Minflok se ssir quddiesa b’suffraġju għal ruħha, nhar is-sibt 10 ta’ Frar fis-13.oo fil-knisja tad-Dumnikani fir-Rabat.