Il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali jinnota illi huwa tassew tal-mistħija kif il-Partit Nazzjonalista qed juża l-mewt tat-tifla Niġerjana biex jipprova jiskorja punti politiċi. Huwa wkoll tal-mistħija l-fatt illi minkejja li hemm l-investigazzjonijiet għaddejjin, il-Partit Nazzjonalista qed jibqa’ jitfa’ dubji dwar ix-xogħol siewi li jagħmlu l-ħaddiema soċjali.
It-tifla Niġerjana qatt ma kienet taħt Ordni tal-Ħarsien u għalhekk il-Ministeru jerġa’ jfakkar lill-Partit Nazzjonalista illi qed ikun żbaljat meta jirraporta fatti li mhumiex minnhom sabiex jiżgwida lill-qarrejja tiegħu.
Il-Ministeru jfakkar ukoll lill-Partit Nazzjonalista li lbieraħ ħatar investigazzjoni indipendenti mmexxija mill-Imħallef Emeritu Philip Sciberras sabiex il-fatti kollha tal-każ ikunu stabbliti. Dan fl-istess waqt illi għaddejja wkoll l-inkjesta maġisterjali.