Missier ta’ wieħed u erbgħin sena mis-Siġġiewi ma nstabx ħati li kisser l-iskutella ta’ ras ibnu wara li dan ma qamx għax-xogħol.
Il-każ imur lura għal sentejn ilu meta t-tifel idaħħal l-isptar bi qsim f’rasu. Saħansitra sar intervent urġenti wara li t-tifel kien fil-periklu tal-mewt. L-akkużat kien ikkonsulta mal-avukat tiegħu wara li l-pulizija kienu marru d-dar u raw xi tiċpis tad-demm mal-ħajt u ma’ sett tat-televiżjoni.
Ir-raġel, Stephen Brian Calleja kien qal li t-tifel tfixkel f’saqajh meta mar biex iqajmu mis-sodda bil-konsegwenza li dan ħabat rasu mat-televiżjoni jew mal-irħama fejn kien hemm l-istess sett tat-televiżjoni.
L-akkużat qal li huwa ma kienx konxju li t-tifel kien indarab serjament. Wara li kemm it-tifel u anki ommu rrifjutaw li jixhdu kontra r-raġel, il-Maġistat Consuelo Scerri Herrera ma setgħet issib l-ebda ħtija fir-raġel.