Id-dejta pprovduta minn Jobsplus għal Diċembru 2017 tindika tnaqqis ta’ 702 persuna li jirreġistraw taħt Parti I u tnaqqis ta’ 43 fost dawk li jirreġistraw taħt Parti II tar-reġistru tal-qgħad,
meta mqabbla ma’ Diċembru 2016. Infatti, in-numru ta’ persuni fuq ir-reġistru tal-qgħad kien 2,167. Dan huwa l-inqas ammont ta’ nies jirreġistraw mindu bdew jinġabru dawn il-figuri fis-snin sittin.
In-nies irreġistrati qieghda niżlu fost il-gruppi kollha ta’ etajiet differenti.
In-numru ta’ persuni b’diżabilità li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol naqas ukoll bi 72 meta mqabbel mas-sena ta’ qabel, fejn l-ammont laħaq 282. L-Irġiel ammontaw għal 78.4 fil-mija tar-reġistranti totali b’diżabilità. Dan minn 564 qabel il-bidla fil-Gvern fl-2013.
Imqabbel ma’ sena ilu, il-qgħad naqas b’745 persuna, filwaqt li meta mqabbel ma’ Marzu 2013 in-numru ta’ nies jirreġistraw huwa 5,183 inqas. Dan ifisser li n-numru ta’ dawk jirreġistraw illum huwa inqas minn terz ta’ dak li kien fi żmien il-bidla fil-Gvern fl-2013.
Mill-bidla fil-Gvern, bħala medja, kull jumejn sitt persuni li kienu qegħda sabu xogħol. B’kuntrast, matul il-ħames snin tal-Gvern preċedenti, bħala medja, kull jumejn persuna iktar kienet tispiċċa tirreġistra.
It-tnaqqis qawwi fil-qgħad qed jinħass l-iktar fost iż-żgħażagħ. F’din il-kategorija kien hemm tnaqqis ta’ 1,029 persuna qegħda mill-bidla fil-Gvern fl-2013. Miżuri bħall-garanzija għaż-żgħażagħ sa issa naqset in-numru ta’ żgħażagħ jirreġistraw bi kważi 82%.
Mill-bidla fl-amministrazzjoni kien hem ukoll tnaqqis ta’ 1,912 persuna f’dawk qegħda fl-età ta’ 45 sena jew iktar.
Anke f’Għawdex, f’Diċembru, l-ammont ta’ nies ifittxu impjieg kien l-inqas fl-istorja, bi tnaqqis ta’ 52% fuq l-2013.
Kategoriji oħra meqjusa f’riskju soċjali wkoll urew titjib. Fost persuni li ilhom jirreġistraw għal iktar minn sena kien hemm tnaqqis ta’ 1,686 mill-bidla fil-Gvern. Dan kien frott miżuri biex dawk l-iktar esklużi mis-suq tax-xogħol jingħataw opportunitajiet ġodda biex itejbu l-livell ta’ għejxien tagħhom u jintegraw mill-ġdid.
Qabel il-bidla fil-Gvern, 7,350 persuna f’pajjiżna kienu bla xogħol, żieda ta’ kważi elf persuna f’ħames snin.
Il-fatt li sa issa n-numru ta’ dawk jirreġistraw waqa għal inqas minn terz ta’ dak li kien fil-bidu tal-2013 huwa l-aqwa ċertifikat li Malta għandha ekonomija fejn il-ġid qed dejjem jasal għand iktar nies, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli.