Il-Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat qal fil-Parlament li t-tifla barranija ta’ seba’ snin li mietet fl-aħħar jiem f’residenza f’Ħaż-Żabbar ma kinitx f’residenza mmexxija mill-Istat.
Meta wieġeb mistoqsijiet ta’ Beppe Fenech Adami, Clyde Pulì u Robert Cutajar tal-Oppożizzjoni, il-Prim Ministru qal li fuq parir tas-social workers, il-Ministru għall-Familja ntalab joħroġ ordni ta’ ħarsien fir-rigward ta’ ħutha.
Il-Prim Ministru Muscat qal ukoll li membri tal-komunità Niġerjana f’Malta tkellmu mal-awtoritajiet u wrew tħassib dwar ċerti sinjali minn din il-familja u għalhekk li tħejjiet it-talba tal-ordni ta’ ħarsien.
Dr Muscat qal li huwa ma jistax jeskludi jekk kienx hemm foul play iżda jidher li mhux każ ta’ delitt. “Qed inkun kawt ħafna f’dan l-istadju,” qal il-PM. “Għaddejja inkjesta minn Maġistrat u rridu nistennew biex naraw kif jiżviluppaw l-affarijiet.
“Nemmen li kulħadd huwa rrabjat, ngħid jien, li jkollok minorenni li spiċċat b’mewta daqstant traġika.” Dr Muscat qal li hemm bżonn kawtela.
Huwa tenna li qed isiru l-aċċertament anke min-naħa tal-Appoġġ u jittama li r-riżultati joħorġu malajr.
Il-Prim Ministru faħħar ix-xogħol kbir u siewi li jagħmlu s-social workers u huwa konvint li fil-kwistjoni industrijali li hemm, jintlaħaq ftehim.