Bi ftehim mal-Bank of Valletta, is-Segretarjat Parlamentari għall-Akkomodazzjoni soċjali nieda skema ta’ self affordabbli bl-isem ta’ Home assist – Housing authority repayment assistance scheme, li se tkun qed tassisti lil dawk li ma jistgħux jieħdu self minħabba d-depożitu ta’ 10% biex ikunu jistgħu jixtru proprjetà.
Bil-Bank of Valletta se jiffinanzja l-ammont tas-self kollu filwaqt li l-Awtorità tad-Djar qed tidħol bħala garanzija fuq id-depożitu ta’ 10%. Il-Kap għall-iżvilupp tan-negozju tal-BOV, Albert Frendo spjega li t-tieni tip ta’ għajnuna li toffri din l-iskema tieħu l-forma ta’ sussidju mogħti mill-Awtorità tad-Djar fuq il-pagament tas-self, sussidju sa massimu ta’ mija u sebgħa u sittin ewro fix-xahar – sussidju li jiġi depożitat direttament fil-kont tal-applikanti.
B’din l-iskema se tkun qed tibni fuq l-iskema APS SOCIAL LOAN li sa issa ibbenefikaw minnha tletin persuna, iżda se tkun qed issellef sa massimu ta’ €120,000, jiġifieri żieda ta’ 20% fuq il-massimu li joffri l-ftehim mal-APS.
Żdiedu ukoll it-tresholds tad-dħul li jiddetterminaw jekk l-applikant ikunx eliġibbli għal dan is-self.
Bit-tresholds għal persuni single żdiedu minn massimu ta’ €13,200 għal €18,000, għal single parents żdiedu minn €15,600 għal €19,000, u għal koppji żdiedu minn €18,000 għal €20,000.
Persuni eliġibbli:
- PERSUNA SINGLE LI GĦANDHA DĦUL MASSIMU TA’ €18,000
- SINGLE PARENTS BI DĦUL MASSIMU TA’ €19,000
- KOPPJI BI DĦUL MASSIMU TA’ €20,000
Is-Segretarju Parlamentari għall-Akomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes, spjega li din l-iskema tfisser li aktar nies ikunu indipendenti mill-akkomodazzjoni soċjali u jsiru sidien ta’ djarhom. Tfisser ukoll li l-Gvern qed joffri soluzzjoni għal bosta każijiet fejn għal xi raġuni jew oħra, persuna ma tkunx eleġibbli li tieħu self.
Min-naħa tiegħu l-Ministru għas-solidarjetà soċjali, Michael Falzon, qal li dan huwa xhieda tal-politika li qed iħaddem il-Gvern – li jagħti l-qasba u mhux il-ħuta – u għalhekk din l-iskema se tkun qed tara żieda fil-persentaġġ ta’ tmenin fil-mija li huma sidien ta’ djarhom.
Dawk interessati jridu japplikaw mal-Awtorità tad-Djar li qed tmexxi din l-iskema. Biex l-Awtorità mbagħad tmexxihom mal-FSWS u eventwalment mal-bank.