Il-Presidenza Bulgara tal-UE tat prijorita` lit-tisħiħ tar-relazzjonijiet reġjonali tal-Balkani, iżda tista’ tagħti aktar għarfien lill-istati tal-periferija tal-Ewropa. L-inklużjoni tagħhom fit-tfassil tal-politika Ewropea hija ċ-ċavetta biex l-Ewropa tiżgura għaqda ekonomika u soċjali. Dan qalu Alfred Sant fil-Parlament Ewropew waqt il-preżentazzjoni tal-programm ta’ attivitajiet tal-Presidenza tal- Bulgarija fl-ewwel nofs tas-sena 2018.
Dr Sant qal li l-Presidenza Bulgara ppreżentat programm b’saħħtu għall-ewwel sitt xhur tas-sena.
“Il-Presidenza tal-Bulgarija tal-Kunsill tal-UE qiegħda f’pożizzjoni tajba biex tagħti prominenza lill-kwistjonijiet kruċjali marbuta mat-taxxi u li qed iqajmu tant tħassib fost l-istati membri. L-enfażi għandha tibqa’ fuq it-trasparenza fit-taxxa u fuq il-flessibilita` fit-taxxa li hi meħtieġa għal pajjiżi li jinsabu fil-periferija tal-Ewropa.”
Dr Sant qal li riċentement il-Parlament Ewropew tkellem dwar il-prinċipju tal-unanimita` fid-deċiżjonijiet dwar it-tassazzjoni bejn l-istati membri.
Ix-xhur bikrin tal-2018 jistgħu jaffettwaw b’mod kruċjali l-elezzjonijiet tas-sena d-dieħla tal-Parlament Ewropew. L-andament tagħhom jista’ jkun influwenzat mir-riżultat tal-elezzjonijiet fl-Italja u fl-Ungerija Taljani fil-ġimgħat li ġejjin. Aktar minn hekk, issa li deħlin fit-tieni sena ta’ negozjati, it-taħditiet tal-Brexit għadhom sors ta’ inċertezza kbira.
“B’mod partikolari nilqa’ l-enfażi dwar l-aġenda diġitali tal-Presidenza Bulgara. Din il-kwistjoni hija kruċjali, speċjalment għall-SMEs. Għandna niżguraw li l-iżvilupp tas-Suq Diġitali Komuni jinkludi l-ħtiġijiet reali ta’ dawk li jużawh, li jeħtieġ jadattaw ruħhom waqt li jirrealizzaw il-possibilitajiet li jinħolqu bit-teknoloġija.”
Dr Sant qal li f’dan il-kuntest ta’ bidla, li normalment iwassal għal tnaqqis fir-ritmu minħabba l-leġiżlazzjoni, il-Presidenza tal-Bulgarija ppreżentat programm b’saħħtu. Tat prijorita` lit-tisħiħ tar-relazzjonijiet reġjonali tal-Balkani, iżda l-Presidenza tista’ tkompli billi tqajjem aktar għarfien dwar l-istati u r-reġjuni tal-periferija tal-Ewropa. L-inklużjoni tagħhom fit-tfassil tal-politika Ewropea hija ċ-ċavetta biex l-Ewropa tiżgura għaqda ekonomika u soċjali.
Mill-1 ta’ Jannar il-Bulgarija ħadet f’idha l-Presidenza tal-Kunsill u għalhekk ippreżentat programm b’saħħtu u estensiv għas-sitt xhur li ġejjin. Il-programm għandu erba’ prijoritajiet – koeżjoni ekonomika u soċjali, stabilita` u sigurta` fl-Ewropa, appoġġ relatat mas-sħubija tal-istati Balkani tal-Punent, it-tkomplija tas-suq diġitali komuni u l-iżvilupp tal-ekonomija diġitali.