F’jum għeluq sninu, il-Prim Ministru Joseph Muscat jidher li sabha diffiċli jisraq dik is-siegħa mistrieħ.
Dan għaliex mhux biss ried ilaħħaq max-xogħol tas-soltu, iżda ried iwieġeb il-mijiet ta’ imejls u messaġġi t’awguri li daħlulu mingħand mijiet ta’ persuni.
Mill-bqija, qalilna Joseph Muscat, jum għeluq sninu huwa wieħed bħall-oħrajn.
“Naraha li trid tkun ġurnata bħall-oħrajn. Fil-verità kelli naqra żball x’ħin għidt ġurnata xogħol bħas-soltu. Qed ninduna, dis-sena speċjalment, li hija ġurnata xogħol iktar mis-soltu għax ħdejn l-400, 500 email li jkolli kuljum jekk qed nikkalkula sewwa rduppjaw. Ili minn dalgħodu nipprova nara l-emails tax-xogħol u affarijiet oħra u rrid inwieġeb lil kulħadd għall-awguri wkoll allura naħseb ħa tiżdied dik is-siegħa xogħol illum.”
Għalkemm ġurnata bħall-oħrajn, forsi aktar minn ġranet oħrajn, f’jum għeluq sninu Joseph Muscat iħoss il-bżonn li jqatta’ l-ħin mal-familja.
Uliedu, it-tewmin Etoile Ella u Soleil Sophie, ikunu qed jistennew dan il-jum biex jaraw l-espressjoni fuq wiċċ missierhom malli jagħtuh ir-rigal li minjaf kemm qabel ikunu ilhom jippjanaw għalih.
“Li jħobbu jagħmlu jagħtu cards differenti u jħarsu lejha b’mod differenti ċ-ċelebrazzjoni imma ma nafx x’ħa jagħmlu llum m’għandix idea ħafna drabi jippooljaw flimkien.”
It-tnejn u għoxrin ta’ Jannar tal-elfejn u tmintax se jibqa’ mnaqqax fil-memorja tal-Prim Ministru, hekk kif qed jiċċelebra għeluq sninu fi żmien eċċitanti għal pajjiżna, meta l-kapitali tagħna hija dik Ewropea tal-Kultura.
Bi tbissima fuq fommu reġà tenna s-sens t’awtentiċità – li qed niċċelebraw l-affarijiet li jagħmluna Maltin u Ewropej.
“In-nies inħoss li għandhom, mill-ġdid, dak is-sens ta’ kburija nazzjonali li m’aħna xejn inqas minn ħaddieħor li nistgħu verament nirnexxu u hija xi ħaġa sabiħa mmens.”
Fost l-impenji f’jum għeluq sninu, il-Prim Ministru kellu laqgħa mal-Grupp Parlamentari.
Mumenti qabel, il-ħaddiema taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista nġabru flimkien u awgurawlu.